Il-Viċi-Prim Ministru tal-Irlanda, Simon Coveney, qed jittama li ma jkunx hemm okkażjoni fejn trid tintuża leġislazzjoni ewlenija li ħejja l-Gvern tiegħu għall-eventwalità ta’ Brexit mingħajr ftehim.
Meta r-Renju Unit qed jittama li jżomm mad-deadline (id-29 ta’ Marzu) biex jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea, Coveney introduċa l-abbozz ta’ liġi inkwistjoni li jibbaża fuq il-ħidma minn disa’ dipartimenti tal-Gvern Irlandiż. Dan waqt li sostna li Brexit mingħajr ftehim u forma ta’ proċess ordnat għandu jfisser ‘telfa għar-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u daqstant ieħor ir-Repubblika Irlandiża’.
Il-ħsieb wara l-proposti ta’ emerġenza fil-leġislazzjoni hu għal bidla mingħajr problemi ( għall-Irlanda) f’każ li r-Renju Unit jikkonkludi Brexit mingħajr ftehim ma’ Brussell.
Il-leġislazzjoni inkwistjoni taħseb biex tappoġġja lin-negozji u tipproteġi lill-impjiegi, flimkien mas-servizzi essenzjali u d-drittijiet taċ-ċittadin.
Hu ittamat li din il-leġislazzjoni tgħaddi ‘mingħajr telf ta’ żmien’ mill-Parlament ta’ Dublin waqt li tkun ikkonfermata bħala liġi qabel id-29 ta’ Marzu — id-data meta r-Renju Unit hu previst li jitlaq mill-Unjoni.
//= $special ?>

