F’dawn l-aħħar ġranet il-Prim Ministru ddikjara li mingħajr il-barranin ma nkunux nistgħu nħallsu l-pensjonijiet.
It-Taqsima tal-Pensjonanti tal-UĦM Voice of the Workers fi stqarrija qalet illi dan ifisser li l-pajjiż mhux qed jippjana u jħares ‘il quddiem sabiex il-pensjonijiet ikunu mibnija fuq pedamenti sodi. Fil-fatt, il-PN ilu xhur sħaħ jinsisti li l-pajjiż għandu bżonn pjan fit-tul f’diversi oqsma, inkluż is-settur soċjali u l-qasam tax-xogħol. Dwar dan, Adrian Delia qed ikun ċar ħafna fejn jibqa’ jinsisti fuq il-bżonn li bħala pajjiż ikollna pjan fit-tul.
Il-UĦM qalet illi wieħed ma jista’ jeskludi li numru ta’ barranin jibqgħu jgħixu Malta bi drittijiet ugwali daqs il-Maltin fejn jidħlu servizzi soċjali, bħal sptarijiet b’xejn u pensjoni taż-żewġ terzi. Dawn il-benefiċċji allura jispiċċaw ta’ piż fuq il-pajjiż.
Barra minn hekk, anki f’każ li dawn il-barranin jitilqu minn Malta wara diversi snin, dawn meta jaslu għall-eta’ tal-irtirar ikollhom dritt li japplikaw għall-pensjoni minn Malta. Dan huwa wkoll piż fuq il-pajjiż.
Dawn l-eluf ta’ barranin li qed jgħixu f’Malta, kollha qed iħallsu l-bolla?
Wieħed ma jistax jeskludi li numru minnhom qed jaħdmu bil-moħbi u la jħallsu bolla u lanqas income tax.
Waħda mill-miżuri li l-Gvern għandu jieħu sabiex nibdew nibnu pedamenti sodi aħjar milli għandna llum hija, li l-flus li jinġabru mill-bolla jmorru kollha f’fond apposta u separat.
Minn dan il-fond jitħallsu biss il-pensjonijiet u s-surplus li jkun hemm jiġi investit ħalli dan il-fond jibda jikber u jissaħħaħ għall-futur. Dan sabiex ma nibqgħux niddependu fuq il-barranin biex il-pensjonanti jirċievu l-pensjoni.