Internazzjonali

Il-Veneżwela: Maduro jagħlaq il-fruntiera mal-Brażil… Rapporti dwar inċidenti qattiela

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, ordna l-għeluq tal-fruntiera mal-Brażil fost it-tilwim kontinwu dwar l-għajnuna umanitarja barranija għall-poplu Veneżolan.

Maduro, intant, għamel diskors fuq it-televiżjoni biex jgħid li qed jikkunsidra wkoll li jagħlaq il-fruntiera ewlenija ta’ pajjiżu mal-Kolombja bil-għan li l-Oppożizzjoni f’Caracas tfalli fit-tentattivi biex iddaħħal din l-għajnuna.

Il-President Maduro qed jiċħad li teżisti kriżi f’pajjiżu waqt li rrefera għall-pjani biex titwassal l-għajnuna lill-Veneżwela bħala ‘parti minn teatrin orkestrat mill-Istati Uniti’.

Intant, l-aħħar rapporti qalu li nqatlet talanqas persuna, b’oħrajn jindarbu, waqt konfronti mal-fruntiera tal-Veneżwela mal-Brażil. L-inċidenti seħħew meta l-qawwiet tas-sigurtà Veneżolani fetħu n-nar fuq grupp ta’ nies li kienu pruvaw iżommuhom milli jivvjaġġaw lejn il-fruntiera.

Fl-aħħar sigħat, il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela, Juan Guaido, kien qed imexxi konvoj minn Caracas, il-kapitali, sal-inħawi tal-fruntiera li jmissu mal-Kolombja.

Juan Guaido, li jmexxi lill-Assemblea Nazzjonali, kien iddikjara lilu nnifsu Kap proviżorju tal-Veneżwela waqt il-protesti kontra l-Gvern tax-xahar li għadda. Huwa rikonoxxut f’dan ir-rwol minn diversi pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti u diversi Stati Latini Amerikani.

Guaido u l-alleati tiegħu qed jittamaw li, fi tmiem il-ġimgħa, jiġbru kwantitajiet ta’ ikel u mediċina li qegħdin jinħażnu bħalissa fil-Brażil u l-Kolombja, u bil-għan li dawn jitwasslu lill-poplu tal-Veneżwela. Il-ħidma qed issir bi sfida diretta għal Maduro li, fil-preżenza tal-ogħla kmandanti militari tiegħu, għamilha ċara li ‘il-fruntiera komuni mal-Brażil kienet qed tingħalaq b’mod assolut għal żmien mhux determinat’.