Lokali

Imut l-eks Prim Imħallef Giuseppe Mifsud Bonnici

Tħabbret il-mewt ta’ l-eks Prim Imħallef Giuseppe Mifsud Bonnici fl-eta’ 88 sena.  Iben Carmelo Mifsud Bonnici, “Il-Gross”, Giuseppe Mifsud Bonnici twieled f’Bormla fis-17 ta’ Lulju tal-1930. Hu studja fl-Universita’ ta’ Malta fejn iggradwa bħala avukat fl-1958 u wara, kompla l-istudji tiegħu fl-Universita’ La Sapienza ta’ Ruma.

Mifsud Bonnici, beda jgħallem il-filosofija tad-dritt fil-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta fl-1966 u baqa’ jgħallem is-suġġett għal kważi ħamsin sena sakemm irtira fl-2015.

Fl-1988 Mifsud Bonnici inħatar Imħallef u sentejn wara inħatar Prim Imħallef u President tal-Qrati tal-Appell. Serva wkoll bħala Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu bejn l-1992 u l-1998.

Hu wkoll serva bħala President tal-MFA bejn l-1968 u l-1982.

Giuseppe Mifsud Bonnici kien miżewweġ lil Maria xebba Cremona u kellhom tlett itfal.

Fuq Twitter, il-Kap tal-PN Adrian Delia sellem il-memorja ta’ Giuseppe Mifsud Bonnici. Mifsud Bonnici se jibqa’ mfakkar bħala persuna ta’ integrità u difensur tad-drittijiet tal-bniedem. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista esprima l-kondoljanzi lill-familja u l-qraba tiegħu f’dawn il-mumenti diffiċli.

Il-Funeral se jsir il-Ħadd fis-2.30p.m. fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Dr Mifsud Bonnici fil-perijodu meta kien President tal-MFA