Numru ta’ deputati mal-Partit Konservattiv fil-Gvern wissew lill-Prim Ministru Theresa May li huma jinsabu lesti biex jippruvaw iwasslu għal dawmien fil-proċess ta’ Brexit li jinvolvi t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Id-deputati, intant, huma determinati li jevitaw sitwazzjoni fejn il-pajjiż jispiċċa mill-UE mingħajr forma ta’ ftehim ( no-deal Brexit) u li għandu jirriżulta f’sitwazzjonijiet kaotiċi għall-partijiet interessati.
Meta jonqos biss ħames ġimgħat għad-deadline tal-Brexit ( id-29 ta’ Marzu) Theresa May għadha ma kisbitx l-appoġġ tal-Parlament għall-ftehim li hi kienet laħqet mal-UE. May, fil-preżent, qed tipprova tikseb il-konċessjonijiet mingħand Brussell rigward il-pjani ta’ Brexit li jevitaw reintroduzzjoni tal-kontrolli riġidi mal-fruntiera Irlandiża.
Il-Konservattivi ta’ May u l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni huma formalment impenjati biex joħorġu lir-Renju Unit mill-UE skont ir-riżultat tar-referendum storiku tal-2016. Madankollu fadal diżgwid bejn il-partiti dwar ‘il-passi li jmiss’ u meta, fil-Parlament, għad mhemmx appoġġ ta’ maġġoranza għal strateġija komprensiva dwar Brexit.
Theresa May wiegħdet li f’każ li ‘ma tirritornax bi ftehim rivedut dwar Brexit’ sas-27 ta’ Frar, il-House of Commons f’Londra jkollu l-opportunità biex jivvota dwar x’għandu jsir ‘il quddiem. Intant, xi deputati mistennija jisfruttaw is-sitwazzjoni potenzjali biex jippruvaw jieħdu kontroll tal-proċess ta’ Brexit minn idejn il-Gvern.
Is-sitwazzjoni, fiha nnfisha, kapaċi ġġiegħel il-Gvern ta’ May biex jipprova jestendi l-perjodi tan-negozjati dwar Brexit.
L-isforzi ta’ May lejn il-konċessjonijiet dwar Brexit għandhom ikomplu fi tmiem il-ġimgħa waqt is-summit bejn l-UE u l-Istati Għarab li qed isir ġo Sharm El Sheikh, fl-Eġittu, u fejn hi għandha tiltaqa’ mal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk.
//= $special ?>

