Terrorista Iżlamiku Franċiż li kien assuma responsabbiltà – għan-nom tal-ISIS — għall-attakki storiċi tal-2015, f’Pariġi, ġie rappurtat maqtul waqt attakk mill-ajru fuq Baghuz, li hi l-aħħar fortizza tal-grupp terroristiku fis-Sirja.
L-istampa Franċiża kienet infurmata b’dan mingħand il-qawwiet tas-sigurtà Sirjani – u meta l-koalizzjoni taħt tmexxja Amerikana li qed tiġġieled kontra l-ISIS kienet qed tipprova tivverifika r-rapport.
It-terrorista inkwistjoni, li kien jismu Fabien Clain, sar magħruf bħala ‘il-vuċi Franċiża tal-ISIS’ wara s-sensiela tal-attakki terroristiċi koordinati li seħħew madwar Pariġi fit-13 ta’ Novembru tal-2015 u li fihom kienu mietu 130 persuna.
Clain, li jaħsbu li kien ilu jgħix fis-Sirja mill-2015, kien tkellem permezz ta’ rekording biex ‘jikkonferma’, għall-ewwel darba, li d-dmija fil-kapitali Franċiża kellha l-firma tal-ISIS.
Intant, l-aħħar rapporti qalu wkoll li ħu l-istess Clain spiċċa midrub waqt ir-rejd partikulari fuq Baghuz li kien tmexxa mill-qawwiet tal-imsemmija koalizzjoni.
Il-Gvern Franċiż jemmen li mal-2,000 ċittadin Franċiżi iġġieldu fuq in-naħa tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq mill-2014 ‘il hawn.
//= $special ?>

