Futbol Sport

Kieku stajt, kont inbiddel it-tim kollu f’Jannar – Frank Zarb, President ta’ Birkirkara

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-President ta’ Birkirkara Frank Zarb iddikjara li bħala klabb tilfu sentejn iżda mis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar saħaq li bdew ipoġġu l-bażi għall-futur. “Nemmen li t-tim ikun aħjar meta t-tim jingħaqad aktar. Taqta’ l-logħba kontra Floriana, kont kuntent bil-prestazzjonijiet,” qal Zarb.

Zarb qal dan waqt li t-tim ippreżenta uffiċjalment l-akkwisti tagħhom f’Jannar. Dawn huma l-plejers lokali Andrew Hogg, Clayton Failla u Johann Bezzina, Jorge Pereira da Silva, Maurizio Vella filwaqt li rritorna Nikola Vukanac.

Mill-bidu tas-sena, kemm ilu li John Arne Riise sar id-Direttur Sportiv tat-tim, Birkirkara kisbu rebħa biss kontra Pietà, spiċċaw draw kontra Balzan, Floriana u Gżira u tilfu ma’ Valletta. Huma kkwalifikaw mal-aħħar tmienja tal-FA Trophy b’rebħa fuq Ħamrun Spartans. Bħalissa huma jinsabu fis-seba’ post bi 30 punt.

Il-President Karkariż żied li f’dan l-istadju kulħadd għandu l-pressjoni. Hu sostna li “qabel ma kontx ikun involut fit-trasferimenti ħlief biex niffirma ċ-ċekk,” u żied li qabel kien hemm baġit miftuħ. Hu żied li issa jinsabu erbgħa, ħames min-nies li jiddiskutu t-trasferimenti.

Zarb kompla li hu ried nies bħal John Arne Riise biex jinbena l-pedament. Id-Direttur Tekniku Michael Valenzia qal li “jekk ngħidu li persuna bħal Riise ma għandu xejn x’joffri lill-futbol Malti, nistgħu mmorru ‘l hemm. Valenzia żied li hu lagħab il-futbol li jgħodd u se jkunu qed jużaw il-kuntatti tiegħu biex ikabbru l-klabb.

Id-Direttur Sportiv qal li kien sorpriż bil-livell tal-futbol Malti u tkellem dwar il-bidla li ried iġib fil-mod kif jitħarrġu kif ukoll mill-aspett mentali. Riise kompla li hu ma jaċċettax ċertu affarijiet bħal nuqqas ta’ rispett u li plejer ma jagħtix il-100% tiegħu.

Mistoqsi dwar il-fatt li jagħmel diversi bidliet minn logħba għal oħra, Riise qal li hu jilgħab skont l-oppożizzjoni u żied li issa jaf il-plejers aħjar. In-Norveġiż kompla li dan il-fatt jagħmilha wkoll diffiċli għall-avversarju li jkun jaf dwarhom.

Intant dwar il-kwistjoni mal-kowċ Paul Zammit, Zarb ċaħad diversi drabi li jikkumenta dwar din is-sitwazzjoni u għalhekk wieħed jikkonkludi li għadu ma ntlaħaqx ftehim ma’ Zammit u b’hekk f’termini ta’ kuntratt għadu kowċ ta’ Birkirkara.