West Ham dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Fulham 3-1 u telgħu momentarjament waħedhom fid-disa’ post tal-klassifika. Kienu Fulham li fetħu l-iskor wara biss tliet minuti bi kross fil-baxx mix-xellug ta’ Ryan Sessegnon lejn Ryan Babel li għeleb lil Lukasz Fabianski mill-viċin.
West Ham ġabu d-draw fid-29 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, kien Javier Hernandez li mill-viċin tar minn tulu biex skorja b’daqqa ta’ ras. Huma marru minn fuq fl-40 minuta meta minn korner ieħor, daħal tajjeb Issa Diop li għeleb lil Sergio Rico b’daqqa ta’ ras oħra. Michail Antonio għalaq il-logħba fid-90 minuta meta rċieva kross mil-lemin ta’ Marko Arnautovic u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Rico.
Fil-logħba l-oħra, Watford kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 barra minn darhom kontra Cardiff. Gerard Deulofeu spikka għal Hornets bi tripletta. Hu fetaħ l-iskor wara 18-il minuta b’xutt fil-baxx. L-Ispanjol irdoppja fil-61 minuta b’kontrattakk veloċi, biex żewġ minuti wara qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda u qabbeż wara Neil Etheridge.
Deulofeu reġa’ kien protagonist fit-73 minuta meta din id-darba serva lil Troy Deeney li skorja mill-viċin. Cardiff naqqsu d-distakk fit-82 minuta b’gowl ta’ Sol Bamba minn azzjoni konfuża fil-kaxxa, iżda Troy Deeney issiġilla r-rebħa fil-91 minuta b’xutt fil-baxx minn qagħda ideali.
//= $special ?>