“Il-qabżiet kbar ‘il quddiem li għamlet Malta taħt Prim Ministri Nazzjonalisti saru għax Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni”
Hekk beda’ id-diskors tiegħu, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista David Agius fit-tieni sessjoni tal-kunsill Ġenerali li infteħet mill-President Tal-Kunsill Kristy Debono.
Hu elenka l-valuri tal-Prim Ministri Nazzjonalista – il-viżjoni ta’ Ġorġ Borg Olivier li welled nazzjon wieħed, ta’ Eddie Fenech Adami li poġġa lill pajjiżna fid-dar naturali tiegħ, l-Ewropa, u ta’ Lawrence Gonzi li b’par idejn sodi żamm lil Malta għaddeja waqt li pajjiżi oħra kienu qed jikkrolaw.
David Agius qal li l-Oppożizzjoni trid tuża l-għodod kollha li għandha biex il-Gvern ma jibqax għaddej romblu minn fuq in-nies. Dan billi jiddefendi l-ħaddiema, jikkritika fejn qed ifalli l-Gvern, u joffri soluzzjonijiet tanġibbli, jiddefendi dak kollu li hu tal-Maltin, u billi jkun il-vuċi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.
David Agius qal li filwaqt li għandna Gvern bla pjan għas-saħħa, għall-edukazzjoni, għall-ambjent u għall-investiment, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan fit-tul.
Huwa qal li din il-viżjoni hija bbażata fuq ħames pilastri -il-ħarsien tal-ħajja, l-għixien deċenti, il-wens għal dawk vulnerabbli, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna.
David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista qed jimpenja ruħu u permezz ta’ viżjoni ċara qed joħroġ b’soluzzjonijet, bi proposti konkreti fid-diversi oqsma.
Hu għalaq id-diskors tiegħu billi appella lil kulħadd biex iwassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>