Tiftaħ it-tieni sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’.
Kienu bosta l-kelliema li tkellmu fis-sessjoni plenarja tal-lejla.
Kristy Debono, il-President tal-Kunsill Ġenerali, fetħet is-sessjoni bid-diskors introduttorju tagħha.
James Aaron Ellul saħaq li 30% tal-Maltin jibżgħu minn dak li joffri l-futur tagħhom minħabba l-inċertezzi li qed jiżdiedu għaż-żgħażagħ u għall-anzjani, fejn wiegħed li l-kandidati tal-PN se jkunu qed iħarsu dawn il-problemi. Appella għall-appoġġ tal-Furjaniżi f’isem il-kandidati tal-PN f’Mejju illi ġej għaliex kienu l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li għamlu d-differenza.
Doriana Portelli qalet illi l-lokalità ta’ Birżebbuġia hija l-post fejn isiru proġetti nazzjonali kbar, li sfortunatament jaffetwaw b’mod negattiv lir-resident. Hi indirizzat id-diversi problemi li jaffaċjaw ir-residenti ta’ Birżebbugia li jinħolqu minn dawn il-proġetti, li jkunu wkoll ta’ detriment għas-saħħa tagħhom.
Toni Bezzina spjega kif il-Gvern qed jipprova jaħkem għalih il-poter tal-Kunsilli Lokali, u jġib il-kunsilliera u r-residenti tallaba tal-Gvern. Fid-diskors tiegħu saħaq fuq l-infrastruttura irresponsabbli ta’ Gvern Laburista, fejn issa il-Gvern waqqaf dak li jissejjaħ Infrastructure Malta, sabiex jagħmel proġetti minimi biex jintogħġob man-nies.
Mark Lombardo saħaq li s-sewwa dejjem jirbaħ u li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dan billi jiġġieled għas-sewwa bħalma għamel fis-snin ta’ glorja tiegħu. Qal ukoll li minkejja li l-Gvern Laburista jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku, ir-raħal tal-Fgura għadu qed jistenna biex isir proġett wieħed.
Charlene Camilleri irringrazzjat lill-Partit Nazzjonalista tal-opportunità biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom. Qalet li s-sistema edukattiva qiegħda tfalli lill-istudenti tagħha bin-nuqqas ta’ interess tal-awtoritajiet. Tkellmet ukoll dwar in-nuqqas ta’ pjanijiet li għandu l-Gvern f’setturi bħalma huma l-ambjent u t-trasport.
Michael Asciak qal illi ċertu nies għandhom tendenzi li jaqgħu lura fil-kumdità tagħhom, minflok jaffaċjaw l-isfidi li jsibu ma’ wiċċhom. Saħaq kif il-valuri tal-Kristjaneżmu jabbraċċjaw il-globalizazzjoni, l-għaqda u l-paċi u l-Partit Nazzjonalista għandu valuri bħal dawn.
Julian Borg saħaq li l-irwol tal-kunsilliera huwa li jaħdmu b’mod kollettiv favur ir-resident. Żied jgħid li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħadem għar-residenti tiegħu billi għamel manutenzjoni fit-toroq ta’ kull tip, għin fl-għaqdiet, għin l-anzjani billi ħadem favur daycares li jħarsu lill-anzjani.
Nicole Portelli qalet li ż-żgħażagħ huma parti integrali tas-soċjetà tagħna u li l-vuċi tagħhom għandu jinstema’ iżjed. Qalet li ż-żgħażagħ hemm bżonn li jitgħallmu minn proponenti tal-Partit Nazzjonalista illi ħadmu tant favur pajjiżna. Żiedet tgħid li l-programm Future Leaders għinha fit-tisħiħ tal-fehma politika tagħha u ta’ żgħażagħ bħala.
Alfred Mifsud tkellem dwar il-problema tal-iskola tal-Mellieħa fejn in-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern fis-settur tal-edukazzjoni se jwassal biex studenti Melleħin mhux se jkunu jistgħu jattendu l-iskola tal-lokalità tagħhom. Qal illi flimkien mal-kandidati tal-PN se jkun qed jaħdem sabiex itejjbu l-qagħda tar-residenti, kemm żgħażagħ, kif ukoll anzjani.
Doris Borg qalet illi qed tikber il-problema tal-esklużjoni mit-tfal sal-anzjani. Żiedet tgħid illi l-kostruzzjoni sfrenat bla pjan fit-tul qed iwassal għall-qirda tal-ambjent li l-Gvern biċ-ċar ma jinteressahx minnu. Saħqet li s-settur tal-edukazzjoni huwa fi kriżi, fejn l-istudenti u l-għalliema qed jiġu mneżża’ mid-dinjità tagħhom. Qalet illi taħt Partit Nazzjonalista kulħadd ikollu d-dritt għal saqaf fuq rasu, u kulħadd ikun inkluż, mhux imwarrab u eskluż kif qed jagħmel Gvern Laburista li qed iġib eluf ta’ barranin.
Kristina Sant Sinagra spjegat kif Malta mhux qiegħda tavvanza iżda qed tmur lura. Qalet illi l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li fetħilha l-bibien u li taha l-opportunità biex issemma’ leħinha. Dan qed isir permezz ta’ programmi bħalma huma Design Your Future, Future Leaders, u l-fergħa Team Start li huma mmirati lejn iż-żgħażagħ. Żiedet tgħid kif tista’ ma tidħolx fil-politika meta tara problemi bħal dawn, problemi fl-ambjent u kiri bla kontroll.
Louise Tedesco qalet li l-partit jeżisti minħabba Malta u l-Maltin, din tfisser li tkun Nazzjonalist, tkun tħobb il-pajjiżek u l-poplu tiegħek. B’hekk wieħed malajr jifhem il-ħidma ta’ dan il-partit. Żiedet tgħid li fl-għaqda hemm is-saħħa, u b’din l-għaqda l-missjoni tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun li tiġġieled għas-sewwa.
Frederick Aquilina qal illi l-ekonomija tiġi deskritta bħala b’saħħitha, iżda jidher biċ-ċar li dan mhux qed jiġi rifless u mqassam b’mod xieraq mal-poplu Malti u l-vittmi qed ikun Maltin bħall-anzjani u nies vulnerabbli. Żied jgħid li l-ambjent qiegħed f’riskju kbir minħabba n-nuqqas ta’ konservazzjoni tal-Gvern preżenti. Spjega li huma problemi bħal dawn li kkonvinċuh biex jikkontesta għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa. Wiegħed li Kunsill Nazzjonalist ikun hemm fost in-nies biex jaħdem għas-servizz tar-resident Luqi.
Nicole Zammit saħqet illi l-Partit Nazzjonalista huwa partit li ta l-opportunità liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu isemmgħu leħinhom. U dan jagħmlu bil-fatti, bħalma hi l-fergħa l-ġdida ‘Team Start’. Qalet li hemm ħafna qed jistagħnew f’lussu sfrenat filwaqt li hemm bosta li qed ibagħtu fis-silenzju. Spjegat kif meta d-dinja kollha kienet għaddejja minn riċessjoni globali, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda bena skola ġdida fis-sena u issa, minkejja t-tkabbir ekonomiku li jiftaħar bih il-Gvern Laburista qed iwarrab għal kollox is-settur tal-edukazzjoni.
Andre Grech qal li n-nies dejjem kienu fiċ-ċentru tal-Partit Nazzjonalista u li kien il-PN li nieda s-sistema tal-Kunsilli Lokali. Kien ukoll il-partit li ġabet is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li fetħet ħafna bibien għall-poplu Malti. Saħaq dwar il-bżonn li jkollna soċjetà li jimpurtaha, li jimpurtaha minn dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom, mill-edukazzjoni, mill-morda u mir-resident. Hemm bżonn li jkollna kuxjenza soċjali, anke jekk l-individwu ma jkunx għaddej minn sitwazzjoni simili.
Jean Paul Barbara spjega illi l-Partit Nazzjonalista sar verament partit taż-żgħażagħ li jagħti l-opportunità sabiex iż-żgħażagħ ikollhom tisħiħ politiku. Huwa qal illi TeamStart se jkun hemm għaż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu rwieħhom u jikkontribwixxu għas-soċjetà b’mod posittiv. Qal illi kien permezz tal-Partit Nazzjonalista li għandna l-Kunsilli Lokali u l-Unjoni Ewropea.
Eve Borg Bonello qalet illi ż-żgħażagħ forsi jibżgħu ftit, imma issa għandhom poter daqs l-adulti permezz tal-Vot 16. Qalet li l-ekonomija qiegħda tikber qisha warda fir-rebbiegħa iżda għad hawn min m’għandux saqaf f’rasu fl-eqqel tax-xitwa. Żiedet tgħid li ż-żgħażagħ ingħataw il-vot, l-istess żgħażagħ li qegħdin f’settur ta’ edukazzjoni li qed iwarrab il-Gvern stess.
Angelo Micallef spjega li faċli biex tkun partit li tikkritika biss, imma l-partit Nazzjonalista huwa partit propożittiv, partit li jaħdem favur in-nies tiegħu, partit li minkejja li qiegħed fl-oppożizzjoni jaħdem għal pajjiżu. Qal illi l-PN hemm bżonn li jħoss il-polz tal-poplu li jkun hemm għan-nies tiegħu.
Keith Cassar tkellem dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, kunsill li kien avangard fil-qasam soċjali. Qal illi l-kunsill qed jaċċerta li l-ebda resident ma jkun imwarrab u l-kunsilliera Nazzjonalista jistgħu jaħdmu favur dan. Spjega jgħid illi l-awtoritajiet qed ikunu ta’ imblokk għall-ħidma tal-Kunsill Lokali bil-burokrazija tagħhom.
Graziella Attard Previ spjegat il-ħidma tal-Forum Opportunitajiet Indaqs, fergħa tal-Partit Nazzjonalista, li taħdem kontra d-diskriminazzjonijiet li huma preżenti fis-soċjetà tagħna. Saħqet dwar il-bżonn li jiġu indirizzati l-problemi soċjali li qed jibqgħu jiżdiedu. Qalet li hemm bżonn aktar ġustizzja soċjali, u jingħata dritt ta’ housing soċjali, b’obbligu legali. Żiedet tgħid li Tas-Sliema qiegħda taħt assedju, bl-għażla li l-Gvern ħa, li “jistupra” l-art Slimiża.
Ċensu Galea qal li minn dejjem qies il-Partit Nazzjonalista bħala għodda li taħdem favur pajjiżna, għodda li tassigura li l-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ miexi ‘l quddiem. Żied jgħid li d-diskussjoni xierqa hija essenzjali sabiex partit, u fl-aħħar mill-aħħar pajjiżna, jimxi ‘il quddiem. Spjega illi saru bidliet fil-lokalitajiet illi laħqu livelli straordinarji bla kejl.
Courtney Farrugia qalet li mhux minnu li l-politika u ż-żgħażagħ ma jmorrux flimkien. Żiedet tgħid li, min irid, jista’ jagħti l-kontribut lill-Partit Nazzjonalista. Hi spjegat li l-PN dejjem kien partit li jagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ għandhom jingħataw l-ispazju biex jimirħu, u hekk qed jagħmel il-PN.
Ivan Castillo fetaħ id-diskors tiegħu billi spjega illi l-Partit Nazzjonalista huwa partit pożittiv, partit li jippreżenta proposti, partit li qed jikseb rekords u jagħmel passi kbar. Hu kompla jitkellem dwar il-proposti tal-PN, li qed jaħdmu favur il-ħaddiem u l-poplu Malti. Żied jgħid kif wieħed ma jistax iħobb il-lokalità tal-Mellieħa, li hi mżewqa bin-natura. B’hekk qal illi jifhem il-frustrazzjoni tar-residenti li qed jisfaw vittma tat-telqa u tan-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern.
Claudio Grech esprima s-sodisfazzjon tiegħu li żgħażagħ ituh meta jarahom jikkontribwixxu daqstant għall-partit. Spjega kif il-PN qatt ma kien partit li għamel minn kollox biex jakkwista l-poter, iżda huwa partit tan-nies. Żied jgħid illi l-PN, f’25 sena bidel wiċċ pajjiżna, minn pajjiż li kien mibni fuq cheap labour, u tah lura lill-poplu tiegħu.
Karol Aquilina fetaħ id-diskors tiegħu billi qal illi f’pajjiżna tniedu proġetti li huma kbar ħafna għal pajjiż li huwa ċkejken bħalma hi Malta. Hu tkellem dwar il-proġetti tad-DB u tal-Corinthia, illi qed jirfsu fuq il-poplu Malti u jibdlu ta’ taħt fuq iż-żoni tal-madwar. Żied jgħid illi hawn maġġoranza siekta illi mhux qed tħares biss l-ekonomija u t-tkabbir ekonomiku, iżda li tħares l-ambjent tagħna.
Beppe Fenech Adami beda billi qal illi slogan bħal ‘Flimkien għal Pajjiżna’ għandna bżonnha fi żminijiet bħal dawn. Dan fi żminijiet meta l-Gvern falla fis-settur tal-edukazzjoni, fil-qasam tal-pensjonijiet, fil-qasam tal-immigrazzjoni, fil-qasam tad-droga, fil-ġustizzja, fil-qasam tas-saħħa u fil-ġlieda tal-korruzjoni. Tenna jgħid li dan huwa l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta. Qal li hemm bżonn li tonqos il-faqar, li jitjiebu l-pagi, li l-middle-class togħla, u s-self-employed jitħallas iżjed.
Mario DeMarco fetaħ id-diskors tiegħu billi qal illi l-Partit Nazzjonalista huwa verament mibni fuq pedamenti sodi b’żgħażagħ bħal dawk li qed jissieħbu mal-PN. Hu tkellem dwar l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar l-għoti ta’ promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta fejn instab illi kien hemm indħil politiku, fejn ġew ivvittimizzati wkoll dawk l-uffiċjali li ressqu l-ilment tagħhom. Bi kwotazzjoni mir-rapport tal-Ombudsman saħaq illi l-Gvern kurrenti m’għandux idea tal-ħsara li qed jagħmel għad-demokrazija ta’ pajjiżna b’indħil politiku bħal dan. F’pajjiż fejn m’hemmx demokrazija, ikollok sitwazzjonijiet fejn jiġu maqtula ġurnalisti, ikollok uffiċjali politiċi li ma jirriżenjawx minkejja li hemm evidenza ta’ korruzzjoni.
Stephen Spiteri stqarr dwar il-kuraġġ li qed ituh iż-żgħażagħ. Qal illi l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li tefa’ bħala prijorità tiegħu s-settur tas-saħħa. Dan sar b’mod partikolari meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, bil-bini u l-investiment favur il-poplu Malti, li dan l-istess poplu għadu qed igawdi sal-lum il-gurnata iżda l-PN qed iħares is-settur tas-saħħa mill-Oppożizzjoni wkoll. Tkellem ukoll dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, illi tefa’ dawl fuq il-problemi kollha li qed iqumu fis-settur tas-saħħa. Żied jgħid illi l-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet Maltin.
//= $special ?>