Lokali Temp

Grigalata se tolqot ‘il-gżejjer Maltin fis-sigħat li ġejjin

Malta għandha tintlaqat minn maltempati bir-ragħad u kif ukoll rifnu ta’ aktar minn 80KM fis-siegħa f’ċerti bnadi tal-gżejjer Maltin. Il-Ħadd huwa mbassar li l-buffuri tar-riħ se jkunu b’qawwa ta’ Forza 9. It-temperaturi wkoll se jkunu baxxi tul tmiem din il-ġimgħa hekk kif qed jiġi mbassar li l-għola temperatura tkun dik ta’ 11°C.

L-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qal li Malta se tkun aktar kiesħa minħabba l-irwiefen u l-buffuri tar-riħ li jaħkmu ċertu bnadi. Ir-riħ se jkun qawwi mill-Grieg it-Tramuntana, bil-buffuri tar-riħ qrib il-maltempati bir-ragħad.

Intant fatt li qed jinkwieta lil bosta huwa l-Maratona organizzata l-Ħadd li se tinvolvi 5,000 partċipant mill-Mdina sa Tas-Sliema.
Il-Ħadd se jibda’ wkoll il-Karnival fin-Nadur. Organizzaturi qalu li s’issa se jkomplu kif pjanat. Il-Kunsill Lokali tan-Nadur qal li se jagħti l-aħħar informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet festivi l-Ħadd għall-ħabta tad-9am.

Il-Ġimgħa ħareġ avviż biex dawk li għandhom id-dgħajjes fil-portijiet bħal il-Port il-Kbir, il-Port ta’ Marsamxett u f’San Pawl il-Baħar li grigalata se taħkem il-gżejjer fis-sigħat li ġejjin. Il-messaġġ ta’ prekawzjoni qal biex is-sidien tad-dgħajjes u l-bċejjeċ tal-baħar jieħdu ħsieb li jtellgħu kollox fuq l-art.

Mhux se jkun vjaġġ pjaċevoli l-Ħadd fuq il-vapur t’Għawdex minħabba l-Grigalata li mistennija tolqotna, infatti huwa mbassar li l-vapur minn Malta jitlaq min-naħa tal-bajja t’Għajn Tuta (Paradise Bay).

Is-sitwazzjoni Ġenerali tul tmiem din il-ġimgħa hija li ġejja arja pressjoni baxxa minn fuq il-Baħar Jonju u ser tersaq lejn Malta u wara lejn in-Nofsinhar.