In-nuqqas ta’ ppjanar ta’ Gvern Laburista għall-Edukazzjoni qed ikompli joħroġ fil-pubbliku b’iktar miżuri temporanji u mgħaġġla biex tipprova tissolva din il-kriżi.
Dan hekk kif il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ħarġet tender ieħor biex kemm fl-iskola skondarja taż-Żejtun kif ukoll fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar ikomplu jiżdiedu l-kontejners biex jintużaw bħala klassijiet.
Fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar diġa’ hemm ammont ta’ studenti li qed jitgħallmu f’dawn il-kontejners, wara li fl-aħħar ħames snin din l-iskola rat żieda ta’ 207 studenti. Dan waqt li l-influss tal-barranin lejn dawn l-inħawi wassal biex il-lokalità kibret b’25 fil-mija … biex illum-il ġurnata jgħixu madwar 26,000 persuna.
Kien fil-Parlament, meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, li l-Ministru Evarist Bartolo ħabbar li se jkollu jirrikorri għall-kontejners anke għall-iskola sekondarja taż-Żejtun biex jintużaw mill-edukaturi u l-istudenti.
Dan hekk kif ix-xogħol f’din l-iskola waqa’ lura b’xhur u, biex isolvi parti minn din il-problema, il-Ministru Bartolo ddikjara li hu ppjanat li jibda l-użu tal-kontejners waqt li fl-iskola jkun għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.
Anke l-iskola sekondarja taż-Żejtun rat żieda ta’ 18% fl-istudenti tagħha, biex l-aħħar ċifri juru li kienet tilqa’ 756 student.
Iżda minkejja dan, hawn ukoll il-Gvern Laburista nqabad fuq sieq waħda u issa qed jipprova jilqa’ għall-problema billi itfa’ lill-istudenti u l-edukaturi fil-kontejners.
//= $special ?>