Lokali

“Il-PN kien u jibqa’ t-tarka tal-Maltin u l-Għawdxin u ta’ pajjiżna” – Kristy Debono

“Il-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ t-tarka tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u ta’ Malta, u flimkien se nsaħħu l-ħidma tagħna favur pajjiżna.”, hekk qalet il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono fit-tmiem tat-tielet sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Kristy Debono qalet li l-Partit Nazzjonalista għandu l-bibien tiegħu miftuħin beraħ u kuljum qegħdin niltaqgħu man-nies fl-irħula, l-pjazez u l-postijiet tax-xogħol tagħhom fejn nisimgħuhom u nispjegawlhom l-viżjoni politika li fassal il-Kap tal-partit Adrian Delia, Soċjetà li Jimpurtaha li toffri s-soluzzjoni għan-nies u l-pajjiż.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono qalet li l-viżjoni politika tal-PN tieħu ħsieb lil min qiegħed ibati bil-politika tal-Gvern Laburista; bħall-anzjani li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja bil-pensjonijiet tagħhom, aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ, housing li jixraq lill-familji u li jkunu jistgħu jaffordjaw, min jinsab fil-faqar u l-vulnerabbli fejn se ngħinuhom sabiex ħadd ma jaqa’ lura.

Kristy Debono qalet li l-viżjoni politika tal-PN tindirizza u tgħin setturi li spiċċaw fi kriżi bil-politika bla pjan tal-Gvern Laburista. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista se jgħin lill-għalliema u l-professjonisti fis-settur mediku biex il-professjoni tagħhom tingħata r-rispett li jixirqilha, lill-istudenti biex ma jibqgħux jieħdu t-tagħlim fil-kontejners, se nuru lis-sidien tal-ħwienet, l-bdiewa u r-raħħala li nemmnu fihom u noffrulhom opportunijiet ġodda, naħdmu biex l-operaturi ekonomiċi jaraw l-operat tagħhom jikber billi terga’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, niggarantixxu l-libertà tal-espressjoni lill-ġurnalisti, u naħdmu flimkien mal-NGOs, il-unjins u s-soċjetà ċivili.

Kristy Debono qalet li l-impenn li jmiss għall-Partit Nazzjonalista se jkunu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta’ Mejju li ġej, u jinsab ippreparat biex jagħti l-aqwa servizz lil pajjiżna. Hija qalet li dawn l-elezzjonijiet huma l-ewwel stazzjon għall-mixja li għandu l-partit li se twasslu sal-elezzjoni ġenerali tal-2022 fejn se nwasslu l-viżjoni politika li nħoloqu soċjetà li jimpurtaha lill-poplu.