Lokali

“L-awtoritajiet qed jinjorawna … sakemm issir traġedja” – residenti Rabtin

Ir-residenti ta’ Triq it-Tabija, fir-Rabat, qed jilmentaw li l-awtoritajiet injorawhom hekk kif ilhom għall-aħħar xhur jgħixu bħallikieku jinsabu f’nofs korsa tat-tlielaq tal-karozzi.

Dan hekk kif vetturi ġejjin mill-bypass tal-Imtarfa lejn din it-triq u viċi versa qed jgħaddu b’veloċità qawwija, minkejja li jkunu ġejjin għal liwja, bil-konsegwenza li spiss qed iseħħu wkoll l-inċidenti.

Wieħed minn dawn l-inċidenti seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar, meta vettura baqgħet dieħla fil-parapett ta’ residenza privata bil-konsegwenza li qaċċtet il-balavostri u pilastru tal-parapett.

Residenza fl-istess triq ħelsitha bi żbrixx meta s-Sibt filgħodu, vettura sportiva kienet involuta f’inċident u waqfet ftit bogħod mill-parapett.

Il-minority leader tal-Partit Nazzjonalista, Nazju Cassar spjega lil Net News li l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalità ilhom snin jitolbu azzjoni għar-residenti.

Sadattant, nhar ir-Tlieta li għadda l-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi ressaq mozzjoni waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali propju dwar din il-kwistjoni.