Tistħajlek qiegħed barra minn Malta fejn il-kesħa tagħmel ġmielha – karozzi u toroq spiċċaw miksija bis-silġ, u ritratti u filmati fuq il-midja soċjali juru btieħi ta’ residenzi, gallariji u bjut mimlija silġ.
Kien hemm min ittanta wkoll jibni borrinu – snowman li ttanta xortih jidher waqt duluvju fuq il-gżejjer Maltin.
Il-gżejjer Maltin se u qed jintlaqtu minn maltemp qawwi matul dawn il-jumejn, u tant u hekk li maltempata bis-silġ diġa laqtet il-gżejjer Maltin.
Skont il-paġna ta’ Facebook Malta Weather il-gżejjer Maltin se jintlaqtu minn kesħa liema bħalha, li se tinħass daqs -3°C.
Is-Sibt kellha titħassar ukoll il-logħba bejn Mosta u Birkirkara hekk kif faqqgħu s-sajjetti u beda nieżel is-silġ, waqt li kellha tiġi abbandunata wkoll il-logħba bejn Pietà u Gżira li kien għad fadlilha biss 90 sekonda.
Tħassar ukoll il-logħob tal-waterpolo kif ukoll diversi tlielaq taż-żwiemel.
Sadattant il-Ħadd Malta għandha tintlaqat minn maltempati bir-ragħad u kif ukoll rifnu ta’ aktar minn 80 kilometru fis-siegħa f’ċerti bnadi tal-gżejjer Maltin. Dan hekk kif huwa mbassar li l-buffuri tar-riħ se jilħqu qawwa ta’ Forza 9.
It-temperaturi wkoll se jkunu baxxi tul tmiem din il-ġimgħa hekk kif qed jiġi mbassar li l-għola temperatura tkun dik ta’ 11°C, iżda tinħass ferm inqas.
L-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li se tinħass aktar il-kesħa minħabba l-irwiefen u l-buffuri tar-riħ li għandhom jaħkmu ċertu bnadi. Ir-riħ se jkun qawwi mill-Grieg it-Tramuntana, bil-buffuri tar-riħ qrib il-maltempati bir-ragħad u bis-silġ.
Intant fatt li qed jinkwieta lil bosta huwa l-Maratona organizzata l-Ħadd li se tinvolvi mal-5,000 partċipant u li tibda mill-Mdina sa Tas-Sliema. Il-Ħadd se jibda’ wkoll il-Karnival fin-Nadur. Organizzaturi qalu li s’issa l-attivitajiet kollha se jkomplu kif pjanat. Il-Kunsill Lokali tan-Nadur qal li se jagħti l-aħħar informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet festivi l-Ħadd għall-ħabta tad-9 ta’ filgħodu.
Intant il-Ġimgħa ħareġ ukoll avviż biex dawk li għandhom id-dgħajjes fil-portijiet bħall-Port il-Kbir, il-Port ta’ Marsamxett u f’San Pawl il-Baħar li grigalata se taħkem il-gżejjer fis-sigħat li ġejjin. Il-messaġġ ta’ prekawzjoni javża lis-sidien tad-dgħajjes u l-bċejjeċ tal-baħar biex jieħdu ħsieb li jtellgħu kollox fuq l-art.
Mhux se jkun vjaġġ pjaċevoli l-Ħadd lanqas fuq il-vapur t’Għawdex minħabba l-Grigalata li mistennija tolqotna, infatti huwa mbassar li l-vapur minn Malta jitlaq min-naħa tal-bajja t’Għajn Tuta (Paradise Bay).
Jirriżulta li dan kollu hu frott ta’ arja bi pressjoni baxxa minn fuq il-Baħar Jonju u li ser tersaq lejn Malta u wara lejn in-Nofsinhar.
//= $special ?>