Wara informazzjoni dwar ħsara estensiva fir-raba’ f’Malta u Għawdex, il-Partit Nazzjonalista qed jappella għal miżuri urġenti ta’ kumpens lill-bdiewa għall-ħsarat estensivi li ġarrbu kemm fl-uċuħ kif ukoll l-istrutturi agrikoli. Dan wara li kienu għexieren il-bdiewa imbikkma wara li l-maltemp ta’ dan il-lejl ikkawżalhom ħsarat estensivi u bla preċedent fl-aħħar għaxar snin. Uċuħ sħaħ li l-bdiewa ilhom jikkultivaw xhur, fosthom frawli, ful u qarabagħli spiċċaw meqruda kompletament.
Fi stqarrija iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja Edwin Vassallo u mill-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern sabiex mil-lejla stess iwaqqaf grupp ta’ esperti sabiex jagħmlu inventarju dettaljat tal-ħsarat ħalli jiġu kkunsidrati l-passi ta’ kumpens minn hawn ‘il quddiem. Huma ftit il-bdiewa bis-serer li ma ġarrbux ħsarat. Jidher ċar li l-ħsarat fl-istrutturi, makkinarju u investimenti oħra li għamlu l-bdiewa b’sagrifiċċju tul is-snin jitilgħu għal eluf kbar għal diversi bdiewa.
Il-Gvern jeħtieġ jikkwantifika l-ħsara fid-dettal bil-ħsieb li ssir analiżi jekk nistgħux napplikaw għall-Fondi ta’ Solidarjetà Ewropea filkaż li l-ħsara tilħaq it-threshold Ewropew stabbilit. L-Ewropa tippermetti wkoll għajnuna diretta mill-budget tal-Gvern f’ dan il-każ bħala eċċezzjoni minn state aid.
Il-bdiewa f’ pajjiżna jinsabu esposti żżejjed għal dawn it-tip ta’ riskji tal-maltemp minħabba li l-maġġorparti tal-bdiewa m’humiex koperti b’assikurazzjoni komprensiva għal ħsarat mill-maltemp. L-Unjoni Ewropea tinkoraġixxi li l-Gvern jidħol parteċipi mal-bidwi f’polza tal-assikurazzjoni u jkopri addirittura sa 65% tal-premium tal-polza. Dan diġà qed isir f’diversi pajjiżi Ewropej fejn il-Gvernijiet jipproteġu l-bdiewa tagħhom.
L-istqarrija ttemm b’appell lill-Gvern sabiex iniedi minnufih skema ta’ assikurazzjoni lill-bdiewa b’għajnuna diretta ħalli l-bidwi jkun protett mir-riskji u jkun jista’ jinvesti b’perspettiva fit-tul. Dan huwa mod kif aktar bdiewa żgħażagħ jersqu lejn il-biedja, għax b’dan il-pass, pajjiżna se jispiċċa bla bdiewa.
//= $special ?>