Diversi sidien ta’ bċejjeċ tal-baħar irrappurtaw ħsara kbira u danni maġġuri għal opri tal-baħar tagħhom, hekk kif il-Grigalata li laqtet lil pajjiżna saħansitra qaċċtet l-irbit tagħhom.
Fost l-iktar inħawi milquta hemm Manoel Island, fejn opri tal-baħar ta’ kull daqs spiċċaw jistabtu bla kontroll mal-moll u saħansitra ma’ xulxin.
Kif juru ritratti tal-għaddas Jeannot Kuenzel, il-maltemp li qed jolqot dawn l-inħawi ma ħelisiex lanqas lill-opri tal-baħar ta’ daqs kbir. Uħud minn dawn spiċċaw jegħrqu waqt li oħrajn tqaċċtu, inkluż dinghy ta’ waħda minn dawn l-opri tal-baħar li spiċċat maġenb il-villaġġ tal-papri.
L-istess Kuenzel ilu sa mil-lejl li għadda jipprova jsalva dak li jista’ u jevita li ssir iktar ħsara. Fost l-oħrajn ipprova jorbot opra tal-baħar li kienet qed tistabat mal-moll u ma’ dgħajjes oħra. Sfortunatament, sa dalgħodu, din kienet qed tegħreq.