Internazzjonali

Brexit: Vot finali lid-deputati Britanniċi sat-12 ta’ Marzu

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li d-deputati parlamentari f’Londra se jkollhom vot finali dwar il-ftehim ta’ Brexit sat-12 ta’ Marzu. May qalet dan waqt li hi kienet qed tivvjaġġa lejn summit fl-Eġittu, iżda hi warrbet għall-possibbiltà li din il-ġimgħa għandu jsir xi vot (fil-Parlament) dwar il-ftehim inkwistjoni waqt li sostniet li ‘għadhom għaddejjin it-taħditiet mal-UE’.

Aktar qabel, May wissiet kontra l-ostakolar tal-proċess ta’ Brexit u għamiltha ċara li l-Gvern tagħha ‘irid jikkonċentra bis-sħiħ’ biex jirrealizza l-ħruġ tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea. May, waqt diskors lill-attivisti tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, qalet li l-agħar ħaġa tkun jekk il-Gvern ma jibqax ikkonċentrat fuq dan l-impenn, fi żmien meta n-negozjati tar-Renju Unit mal-UE deħlin fil-fażi finali.

Id-diskors ta’ May jitqies bħala ‘twissija sinifikanti’ meta tliet membri tal-Kabinett Britanniku li huma favur l-UE qalu li jistgħu jivvutaw biex itawwlu l-proċess ta’ Brexit bil-għan li jevitaw ‘diżastru’ fejn ir-Renju Unit jispiċċa jħalli l-Unjoni mingħajr ftehim.

Meta għaddejjin preparamenti għall-voti kruċjali tal-Erbgħa fil-House of Commons, il-membri tal-Kabinett Greg Clark, is-Segretarju għall-Kummerċ; Amber Rudd, is-Segretarju għax-Xogħol u David Gauke, is-Segretarju għall-Ġustizzja, qalu lill-gazzetta Daily Mail li huma se jkunu lesti biex jisfidaw lill-Prim Ministru u jivvutaw għal dawmien tal-proċess ‘Brexit’.

L-inizjattiva ta’ dawn it-tlieta wasslet biex id-deputati tat-Tories li jappoġġjaw Brexit jinsistu għar-riżenji tagħhom. Iżda May għamlitha ċara li ‘ma jridux jinqatgħu l-irjus’ tad-deputati mal-Partit Konservattiv bil-fehmiet diversi dwar Brexit.

Id-deputati fil-House of Commons, intant, qed iħejju għal sensiela ta’ voti, f’nofs il-ġimgħa, li jistgħu jwasslu biex il-Parlament jassumi l-kontroll tal-proċess għal Brexit.