Is-Sibt filgħaxija f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, saret id-59 edizzjoni ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali. F’din is-serata ngħataw b’kollox 11-il unur, sebgħa minnhom permezz ta’ ġurija magħmula minn tmien ġurnalisti li rrappreżentaw aġenziji differenti tal-media.
Bħal kull sena, l-attrazzjoni prinċipali tkun fuq min se jirbaħ il-kategoriji Sportiv u Sportiva tas-Sena. Brian Galea rebaħ l-unur għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu u sar il-ħames persuna mill-isport tal-iSparar li rebaħ l-unur Sportiv tas-Sena. L-istess għamel Eleanor Bezzina li rebħet l-unur għall-ewwel darba.
Għar-raba’ darba fl-aħħar ħames snin, Sara Xuereb rebħet l-unur taż-Żagħżugħa tas-Sena, f’dik li kienet l-aħħar sena għaliha f’din il-kategorija minħabba l-età. Fil-kategorija Żagħżugħ tas-Sena, Kijan Sultana ħareġ rebbieħ wara li fl-edizzjoni tas-sena l-oħra kien tliet punti bogħod mir-rebbieħ.
Karl Izzo rebaħ l-unur tal-Kowċ tas-Sena għal rekord erba’ darbiet filwaqt li Anna Calleja rebħet l-Uffiċjal tas-Sena wara li fis-snin 80 kienet anki rebħet il-kategorija Sportiva tas-Sena. It-tim nazzjonali tal-Basketball tal-irġiel rebaħ għall-ewwel darba t-Tim tas-Sena.
Il-mistieden speċjali tas-serata kien il-boxer Taljan Carmine Tommasone. Is-serata organizzata għal sena oħra mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ SportMalta kienet ippreżentata minn Mario Bonnici u Catherine Micallef.
Ir-riżultati tad-59 edizzjoni
SPORTIV TAS-SENA: Brian Galea (Sparar) 101 punt, Isaac Bezzina (Judo) 61 punt, Rodney Gatt (Tiġrijiet taż-Żwiemel) 49 punt, Stefan Farrugia (Raffa) 42 punt, Justin Caruana Scicluna (Ten Pin Bowling) 27 punt
SPORTIVA TAS-SENA: Eleanor Bezzina (Target Shooting) 79 punt, Sara Xuereb (Ten Pin Bowling) 74 punt, Yazmin Zammit Stevens (Weightlifting) 49 punt, Hannah Pace (Triathlon) 45 punt, Charlotte Wingfield (Atletika) 22 punt, Colette Sultana (Squash) 11-il punt
ŻAGĦŻUGĦ TAS-SENA: Kijan Sultana (Squash) 92 punt, Saul Vassallo (Ibburdjar) 82 punt, Jake Muscat (Waterpolo 60 punt, Jurgen Balzan (Table Football) 26 punt, Jacob Elaida (Atletika) 20 punt
ŻAGĦŻUGĦA TAS-SENA: Sara Xuereb (Ten Pin Bowling) 96 punt, Francesca Curmi (Tennis) 82 punt, Francesca Falzon Young (Għawm) 43 punt, Ella Borg (Ġinnastika) 40 punt, Shelby Mangion Vassallo (Weightlifting) 19-il punt
TIM TAS-SENA: Tim Nazzjonali Rġiel tal-Basketball 106 punt, Tim Nazzjonali Rġiel tal-Waterpolo 57 punt, Tim Nazzjonali Nisa tal-Lawn Bowls 44 punt, Tim Nazzjonali U19 tal-Futbol 40 punt, Tim Nazzjonali Rġiel tar-Rugby 33 punt
KOWĊ TAS-SENA: Karl Izzo (Waterpolo) 98 punt, Andrea Paccarie (Basketball) 74 punt, Winston Muscat (Futbol) 51 punt, Damien Neill (Rugby) 34 punt, Jesmond Caruana (Weightlifting) 23 punt
UFFIĊJAL TAS-SENA: Anna Calleja (Special Olympics) 83 punt, Stephen Aquilina (Sparar) 68 punt, Bernard Vassallo (Basketball) 49 punt, Vincent Degiorgio (Pool) 45 punt, Frans Bugeja (Billiards u Snooker) 35 punt
Unuri oħra
Atleta Maskili Special Olympics: Matthew Bugeja
Atleta Femminili Special Olympics: Fiona Ellul Bonici
People’s Choice Award: Fabio Spiteri (Triathlon)
Avveniment Internazzjonali tas-Sena: It-Tazza tad-Dinja tal-Isparar
//= $special ?>