Futbol Sport

Draw diżappuntanti bejn Manchester United u Liverpool

(Ritratt: EPA)

Il-konfront mistenni f’Old Trafford bejn Manchester United u Liverpool intemm fi draw ta’ 0-0. Qabel il-partita kien hemm aspettattiva kbira miż-żewġ timijiet iżda l-logħba spiċċat ma laħqitx l-aspettattiva hekk kif it-tnejn naqsu li jimpenjaw serjament lill-gowlkipers avversarji.

Għalkemm b’dan il-punt telgħu waħedhom fil-quċċata punt fuq Manchester City, Liverpool żgur li ħarġux mil-logħba bit-tbissima hekk kif wara li fl-ewwel taqsima kienu superjuri, fit-tieni 45 minuta naqsu li jimponu l-logħba.

Manchester United huma ftit aktar sodisfatti li ċaħdu lir-rivali minn rebħa li kienet tpoġġihom tliet punti vantaġġ. Ir-Red Devils kienu sfortunati li kellhom jagħmlu t-tliet bidliet fl-ewwel taqsima minħabba li weġġgħu Ander Herrera, Juan Mata li kienu mibdula minn Andreas Pereira u Jesse Lingard, b’tal-aħħar jerġa’ jweġġa’ u kien mibdul minn Alexis Sanchez. Liverpool ukoll kellhom lil Roberto Firmino mibdul fl-ewwel taqsima wara li hu wkoll weġġa’.

Fl-ewwel kwarta tal-logħba, Liverpool kellhom żewġ okkażjonijiet minn free-kick ta’ James Milner u Mohamed Salah iżda ma nkadrawx il-lasta ta’ David de Gea.

L-akbar opportunità tal-logħba seħħet fil-41 minuta. Paul Pogba sab lil Romelu Lukaku li b’intelliġenza qassam fl-ispazju lejn is-sostitut Jesse Lingard, bl-Ingliż jipprova jaqbeż lil Alisson Becker, iżda l-gowlkiper kien attent u waqqaf il-ballun fil-ħin. F’din l-azzjoni spiċċa weġġa’ Lingard. Qabel il-mistrieħ, Lukaku kien perikoluż b’daqqa ta’ ras li kienet salvata.

L-aktar darba li Liverpool resqu viċin il-gowl fit-tieni taqsima kien fis-70 minuta. Kien Scott McTominay li kien providenzjali biex blokka daqqa ta’ ras ta’ Georginio Wijnaldum minn korner.

Manchester United setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa sitt minuti wara meta minn free-kick ta’ Luke Shaw, il-kross mil-lemin ta’ Chris Smalling wassal biex Joel Matip jagħmel awto-gowl, iżda l-gowl kien imħassar ġustament għal offside ta’ Smalling.