Futbol Lokali Sport

Il-maltemp jikkawża diżastru fl-impjanti sportivi madwar Malta

Diversi klabbs tal-waterpolo u tal-futbol sofrew ħsarat konsiderevoli kawża tal-irwiefen li qed jaħkmu lil pajjiżna, bil-konsegwenza li iktar attivitajiet sportivi qed ikollhom jiġu posposti b’mod indefinit.

F’pajjiżna, fost il-klabbs li sofrew ħsarat kbar hemm Mosta F.C., bil-grawnd tal-klabb li ġarrab ħsara kbira fil-fencing tiegħu. Ir-riħ ċaqlaq il-fencing u kkawża wkoll ħsarat fil-ħitan li jdawwar il-grawnd. Dan apparti li kamra li tintuża bħala laundry spiċċat bla saqaf u bi ħsarat strutturali.

Irrappurtata ħsara wkoll fil-grawnd ta’ Mġarr United.

F’Għawdex, fejn ħafna mill-impjanti sportivi jinsabu fil-miftuħ, imdawrin mill-għelieqi, huma diversi l-klabbs li sofrew diżastru sħiħ. Fost dawn Għajnsielem F.C., li sebħu bil-fencing tal-grawnd li wasal biex jinqala’ minn postu. Ir-riħ qawwi li ħakem l-impjant sportiv tal-klabb saħansitra wassal biex il-lasti li kienu fil-grawnd inqabdu mir-riħ u ċċaqalqu minn posthom.

Kienet irrappurtata ħsara wkoll għand Kerċem F.C., bil-klabb li tella’ ritratti li juru kif is-sistema kollha ta’ solar heating li kienet fuq is-saqaf ta’ binja tal-klabb inqalgħet minn postha u tfarrket. Il-ħsara hi stmata li tilħaq mijiet ta’ ewro.

Konsegwenza tal-ħsarat kbar f’Għawdex, anke l-Assoċjazzjoni tal-Futbol f’Għawdex kienet sfurzata tħassar il-logħob li kienu ppjanati għal-lum, b’mod speċjali dawk fil-Gozo Stadium. Dan anke fid-dawl li dan l-istadium, li wkoll hu espost għall-elementi, ġarrab ħsara konsiderevoli.

F’Malta, is-Sibt filgħaxija l-Assoċjazzjoni tal-Futbol f’Malta kienet ħabbret li ħassret il-logħob ippjanat għal-lum mill-FA Trophy. Dan anke fid-dawl li bħalissa għaddej xogħol biex titranġa t-tinda fil-grawnd u għalhekk l-awtoritajiet ma ridux jieħdu riskji.

Dan apparti ħsarat kbar fil-pitches tal-waterpolo, fejn fost oħrajn kien hemm rapporti ta’ ħsarat konsiderevoli fil-pitches ta’ Sirens, San Ġiljan u Sliema.

Tħassret ukoll attività li kellha ssir illum mill-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, li ppjanat ASMK Ladies Demolition Derby. Din issa mistennija ssir fl-10 ta’ Marzu li ġej. Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-ħsarat konsiderevoli rrappurtati fl-inħawi ta’ Ta’ Qali, liema ħsarat affettwaw ukoll proprjetà tal-istess Assoċjazzjoni.