Futbol Sport

Il-penalties irebbħu l-League Cup lil Manchester City

(Ritratt: EPA)

Manchester City rebħu l-League Cup għat-tieni sena konsekuttiva wara li għelbu lil Chelsea 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba sal-ħin barrani baqgħet 0-0.

Chelsea għandhom għalfejn iħossuhom sfortunati li ma rebħux il-finali hekk kif taw daqs kemm qalgħu u f’xi mumenti tal-logħba saħansitra kienu ferm aħjar mill-avversarji. Għal Manchester City din kienet l-ewwel darba li ddefendew b’suċċess kompetizzjoni li rebħu, f’dak li kien ir-raba’ suċċess fl-aħħar sitt snin f’din il-kompetizzjoni.

L-aħħar minuti tal-ħin barrani kienu kkaratterizzati minn tilwilma fuq in-naħa ta’ Chelsea. Maurizio Sarri ried jibdel lill-gowlkiper Kepa Arrizabalaga ma’ Willy Caballero, iżda l-gowlkiper irrifjuta. Din id-deċiżjoni wasslet għal rabja kbira ta’ Sarri li deher assolutament mitluf b’deċiżjoni rari fil-futbol.

Jorginho falla l-ewwel penalty għal Chelsea, filwaqt li Ilkay Gundogan skorja għal Manchester City. Cesar Azpilicueta skorja ġmiel ta’ penalty għal Chelsea u Sergio Aguero kien fortunata li Arrizabalaga ma żammx il-ballun.

Il-gowlkiper Spanjol salva l-penalty ta’ Leroy Sane wara li Emerson Palmieri kien skorja għal Chelsea. Iżda David Luiz ra x-xutt jaħbat mal-wieqfa, bil-Portugiż Bernardo Silva jiskorja b’xutt ċentrali.

Eden Hazard ħa r-riskju tal-aħħar penalty u qabbeż fuq Ederson, b’Raheem Sterling jiskorja l-gowl rebbieħ b’xutt li ħabat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka.