Il-konfront ta’ filgħaxija bejn Fiorentina u Inter kienet dominata b’deċiżjonijiet permezz tal-VAR, hekk kif Fiorentina salvaw punt fl-aħħar sekondi tal-logħba fi draw divertenti ta’ 3-3 kontra Inter. Il-VAR kienet involuta fi tliet deċiżjonijiet kbar fil-logħba, bir-referee Rosario Abisso jordna penalty fuq kull naħa filwaqt li ħassar ukoll gowl.
Fil-logħbiet l-oħra, Juventus u Napoli kisbu rebħiet barra minn darhom, Sampdoria kisbu rebħa minima iżda importanti filwaqt li Spal u Chievo ma tilfux fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni.
BOLOGNA – Juventus komplew jirbħu fis-Serie A anki jekk naqsu li jimpressjonaw. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fis-67 minuta meta minn kross mix-xellug ta’ Blase Matuidi, Filip Helander biegħed il-ballun parzjalment li spiċċa fid-direzzjoni tas-sostitut PAULO DYBALA li skorja minn pożizzjoni ċentrali.
GENOVA – Sampdoria resqu aktar qrib post fl-Ewropa b’rebħa ta’ 1-0 fuq Cagliari. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fis-66 minuta minn penalty ta’ FABIO QUAGLIARELLA.
SASSUOLO – Sassuolo u Spal ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1 fil-Mapei Stadium. FEDERICO PELUSO fetaħ l-iskor b’xutt mill-ewwel wara kross mix-xellug, iżda Spal ġabu d-draw fit-68 minuta b’penalty preċiż tal-attakkant ANDREA PETAGNA.
PARMA – Napoli komplew isaħħu t-tieni post b’rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Parma fi Stadio Ennio Tardini. PIOTR ZIELINSKI fetaħ l-iskor fit-18-il minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa, u ARKADIUSZ MILIK irdoppja fis-36 minuta bi free-kick fil-baxx. L-istess ARKADIUSZ MILIK għalaq il-logħba bit-tielet gowl minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira fit-73 minuta. ADAM OUNAS issiġilla r-rebħa fit-82 minuta bir-raba’ gowl.
FIRENZE – Fiorentina rkupraw minn żvantaġġ doppju biex kisbu punt fi draw ta’ 3-3 mimli kontroversja minħabba inċertezza fid-deċiżjonijiet tar-referee Abisso li wassal biex il-ħin miżjud tat-tieni taqsima twal għal 13-il minuta.
Il-Viola kienu fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tal-logħba wara ftit sekondi, bi kross fil-baxx mil-lemin ta’ Federico Chiesa lejn Giovanni Simeone, bil-ballun jaħbat ma’ Stefan de Vrij u daħal fix-xibka.
Reazzjoni immedjata minn Inter li ġabu d-draw fis-sitt minuta b’passaġġ tajjeb ta’ Radja Nainggolan lejn MATIAS VECINO li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Alban Lafont. Dawn iż-żewġ gowls kellhom bżonn il-konferma silenjuża tal-VAR.
Inter marru fil-vantaġġ fl-40 minuta b’azzjoni personali ta’ MATTEO POLITANO li ġibed mil-lemin għan-nofs u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Lafont bl-għajnuna tal-wieqfa. It-tim ta’ Spalletti mar 3-1 minn fuq fit-52 minuta meta Edimilson Fernandes deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR. Mill-11-il metru IVAN PERISIC ma żbaljax.
Fiorentina kienu għoddhom daħlu fil-logħba mas-siegħa logħob b’gowl ta’ Cristiano Biraghi wara li r-referee Abisso kkonsulta l-VAR għal fawl ta’ Luis Muriel fuq Danilo D’Ambrosio. Iżda l-logħba nfetħet fl-74 minuta bi free-kick mill-isbaħ ta’ LUIS MURIEL li ma ta l-ebda ċans lil Samir Handanovic isalva.
Il-mument deċiżiv seħħ fis-96 minuta meta r-referee ordna penalty wara li ġġudika li D’Ambrosio mess il-ballun b’idu fuq passaġġ ta’ Chiesa. Wara li ċċekkja b’mod silenzjuż, Abisso mar jara l-azzjoni. Kien fil-101 minuta li d-deċiżjoni kienet konfermata fost protesti mill-plejers ta’ Inter. Mill-penalty inkariga ruħu JORDAN VERETOUT li għeleb lil Handanovic.
Riżultati u Klassifika: Il-Ġimgħa: Milan v Empoli 3-0, Is-Sibt: Torino v Atalanta 2-0, Frosinone v Roma 2-3, Illum: Sampdoria v Cagliari 1-0, Chievo v Genoa 0-0, Bologna v Juventus 0-1, Sassuolo v Spal 1-1, Parma v Napoli 0-4, Fiorentina v Inter 3-3
//= $special ?>