“Iva, fejn pajjiż jintlaqat ħażin minn reputazzjoni ħażina tiġrilu l-ħsara u dak li hu mistenni f’dan ix-xenarju hu li kulħadd jitkellem b’responsabbiltà u jġib l-interessi tas-settur qabel kull ħaġa oħra.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument John C. Grech, iċ-Chairman tal-FIMBank plc u ta’ numru ta’ azjendi oħrajn b’esperjenza twila fis-settur finanzjarju u fil-kamp bankarju, meta nhar il-Ġimgħa tkellem magħna dwar l-aħħar żviluppi fis-settur finanzjarju u bankarju ta’ pajjiżna.
John C. Grech qal li pajjiżna kien igawdi rispett fis-settur finanzjarju iżda ċerti affarijiet li ġraw tappnu r-reputazzjoni. “Għalhekk dak li jrid isir hu li l-awtoritajiet konċernati jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet biex pajjiżna jerġa’ lura għan-normalità billi jingħelbu d-diffikultajiet kollha li ffaċċja fl-aħħar xhur.’’
Il-punt tat-tluq tal-kuntatt ma’ John C. Grech kien l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-HSBC f”Malta wara li skont l-aħħar rapport finanzjarju tal-HSBC Bank Malta għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2018, irriżulta li l-qligħ irrappurtat qabel it-taxxa kien ta’ 38 miljun ewro punt 6, li jfisser tnaqqis ta’ 11-il miljun ewro punt 3, jew 23%, meta mqabbel mas-sena preċedenti.
Irriżulta wkoll li l-qligħ aġġustat qabel it-taxxa, li jeskludi l-effett ta’ items notevoli, kien ta’ 36 miljun ewro punt, tnaqqis ta’ 19-il miljun ewro punt 1 jew 34%.
Dak li ġara fl-HSBC ma kienx sorpriża
Mitlub jikkummenta, John C. Grech qal li lilu personalment bħala bniedem li mmilita snin twal fis-settur finanzjarju u bħala bankier, kif ukoll lilu bħala azzjonist qawwi tal-HSBC Malta, dak li ġara għalih ma kienx sorpriża.
“Jien ma nħobbx nallarma ruħi u nemmen li wara s-sena diffiċli li kellu l-HSBC is-sena l-oħra, issa jirkupra u jirritorna għan-normalità.’’
“Wieħed ma jridx jinsa li ma kienx biss l-HSBC li għadda minn mumenti diffiċli. Anki l-BOV għaddej mill-mumenti diffiċli tiegħu. Iżda mbagħad hemm il-fattur li t-tnejn li huma, huma b’saħħithom ħafna u żgur li jirkupraw u jissoktaw bl-operat tagħhom.”
Hu qal li tajjeb li wieħed japprezza li meta jkun qed jitkellem dwar l-HSBC, allura jkun qed jitkellem dwar istituzzjoni b’saħħitha ħafna fid-dinja, soda u li allura hi inqas riskjuża. “Jien ma nemminx li l-HSBC jitlaq minn pajjiżna sempliċiment għaliex matul is-sena l-oħra m’għamilx profitti daqs is-soltu. Ma ninsewx li Malta llum hi ċentru ta’ servizzi finanzjarji importanti fid-dinja kollha,” temm John C. Grech.
Nemmen li l-HSBC jrid jitlaq minn Malta
Bankier b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza qal li hu jinterpreta l-istqarrija tal-HSBC mhux bħala waħda fejn qed jipprova jiddefendi lilu nnifsu iżda bħala messaġġ ta’ down sizing.
“L-HSBC irid jitlaq minn Malta, iżda min se jinvesti fis-settur bankarju li m’għadux eċċitanti u jrendi? U l-HSBC ried jitlaq minn Malta sa minn meta kien qed jagħmel profitti fenominali, aħseb u ara llum meta hawn dan it-taħwid kollu u faċilment jiddaħħal f’xi basla oħra kif ġralu diġà lil hinn minn xtutna, fosthom fl-Istati Uniti fejn qed jaffaċċja kawża għal danni li jammontaw il-biljuni ta’ ewro.”
Dan il-bankier kompla li jekk wieħed janalizza sew il-profitti tal-HSBC isib li fuq livell lokali dawn huma ta’ ftit miljuni li mbagħad fix-xenarju ħolistiku kollu tal-HSBC jammontaw għal farka ċkejkna tal-profotti kollha li jagħmel.
“Iżda filwaqt li minn Malta l-HSBC qed jagħmel farka ta’ profitti, ir-riskju li jiddaħħal f’xi bawxata hu kbir ħafna u Andrew Beane ntbagħat Malta preċiżament biex inaddaf lill-Bank minn kull periklu li jista’ jiffaċċja b’xi kont li eventwalment jista’ jesponih f’xi ġurnal influwenti kbir internazzjonali.’’
“Wieħed irid iħares lejn l-istampa l-kbira u jifhem li f’Malta l-HSBC hu kumpanija kbira ħafna fis-settur finanzjarju – probabbilment l-ikbar – għaliex ebda kumpanija kbira ħafna ma trid tersaq lejn Malta għaliex aħna żgħar wisq għalihom,” temmet tgħidilna din il-persuna li stqarret ukoll li iva, hi inkwetanti ħafna l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ reputazzjoni li qed igawdi pajjiżna llum fil-kamp finanzjarju u bankarju.
L-2018 kienet waħda diffiċli
L-iżviluppi li seħħew matul din il-ġimgħa, b’mod partikulari r-riżultati mħabbra minn Andrew Beane, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta, li osserva li “l-2018 kienet waħda diffiċli għas-settur tas-servizzi finanzjarji lokali li sofra aktar ħsara fir-reputazzjoni. Hu essenzjali li l-parteċipanti kollha fis-suq jiżguraw li l-istandaards ta’ kontra l-ħasil tal-flus ikunu mwettqa kollha mingħajr dewmien ħalli b’hekk ikunu evitati riskji aktar sinifikanti għal tul ta’ żmien.”
Din id-dikjarazzjoni qawwija ta’ Andrew Beane reġgħet tat ossiġnu qawwi lid-diskussjoni dwar il-ħsarat li ġarrab pajjiżna fis-settur finanzjarju wara l-iżbroff tal-iskandlu tal-‘Pilatus Bank’ u l-mod kif pajjiżna kien qiegħed jintuża b’leġġerezza għal skop ta’ ħasil ta’ flus. Dan anki fid-dawl tal-fatt li anki l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (l-MFSA) ħadet fit-tul tkaxkar saqajha biex taġixxi fid-dawl tal-iżviluppi li kienu qed iseħħu dakinhar… u anki… iċ-ċirasa fuq il-kejk… kif il-mekkaniżmu tal-Pulizija quddiem l-allegati reati skatta tard wisq. Kulħadd jiftakar tajjeb ix-xena taċ-Chairman tal-Pilatus Bank jidħol fil-Bank Pilatus Ta’ Xbiex u joħroġ b’numru ta’ bagalji li f’dak il-lejl stess għosfru minn pajjiżna.
Dak żvelat minn Bloomberg għadu jgħodd
Esperti fil-kamp bankarju u finanzjarju li fil-jiem li għaddew kienu avviċinati minn il-mument għal reazzjonijiet tagħhom dwar dawn l-aħħar żviluppi, qalulna li dawn l-aħħar żviluppi b’rabta mal-HSBC iqanqlu numru ta’ mistoqijiet u tħassib.
Kien hemm min fakkarna li dan ix-xenarju attwali jrid jittieħed ukoll fil-perspettiva qatt miċħuda u żvelata minn Bloomberg f’April tas-sena l-oħra meta kienet ħabbret li l-HSBC se jagħlaq jew ibigħ il-preżenza tiegħu f’pajjiżna.
Dwar dik l-aħbar l-HSBC kien qal biss li l-Bank innota li numru ta’ midja lokali rrappurtaw dwar artiklu ppubblikat minn Bloomberg li “Għal darb’oħra, il-Bank jasserixxi li ma jikkummentax dwar xnigħat jew spekulazzjoni.”
Sitwazzjoni antiċipata
Bankier espert qalilna li fl-aħħar xhur bħal donnha naqset il-fiduċja tal-Maltin fil-banek il-kbar stabbiliti f’Malta u dan hu rifless fit-tnaqqis tal-profitti reġistrati għas-sena l-oħra.
“Hemm il-kwistjoni tar-reputazzjoni li dwarha konna smajna ħafna fis-sens li dak li ġara b’rabta mal-Bank Pilatus u l-ħasil tal-flus kienu se jnaffru ħafna mir-reputazzjoni tajba li kellu pajjiżna għar-rigward tas-settur finanzjarju.’’
“Illum bosta xhur wara dak li għadda minnu pajjiżna b’rabta mal-Bank Pilatus, bħal donnu qiegħed iħalli r-riżultati tiegħu li sa ċertu punt ukoll huma riżultati antiċipati,” qaltilna din il-persuna.

Theddida serja
Persuna oħra fissret li dak li għaddej minnu l-HSBC bħalissa b’rabta mar-reputazzjoni jirrifletti li s-settur bankarju u finanzjarju li kien mibni fuq il-fama tajba li kabbar pajjiżna matul dawn l-aħħar 25 sena, issa jinsab taħt theddida serja minħabba l-aġir tal-Gvern li qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna b’daqqa waħda wara l-oħra.
“Il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta qed ikollha effett negattiv fuq is-sistema bankarja u finanzjarja ta’ Malta. Il-Bank HSBC irrapporta li l-profitti naqsu bi 23% u waħda mir-raġunijiet għal dan it-telf huma d-diffikultajiet fis-settur finanzjarju u d-daqqa negattiva ta’ inċertezza fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna,” qaltilna din il-persuna.