Lokali

Kollox jindika li l-BOV mhux se jirkupra l-flus kollha nieqsa

Issa li għaddew ġimagħtejn mill-attakk ta’ hacking fuq is-sistema bankarja tal-Bank of Valletta, kollox jindika li filwaqt li se jkunu rkuprati l-akbar ammonti ta’ flus mill-flus nieqsa, madankollu mhux se jkun possibbli li l-Bank jirkupra l-flus kollha nieqsa.

B’kollox fuq is-sistema bankarja tal-Bank of Valletta saru xejn inqas minn ħdax-il talba għal transazzjoni ta’ ingann fejn flus inġibdu minn sistema bankarja. Għall-Bank of Valletta dak kien mument ta’ xokk għaliex immedjatament kien stabbilit li xi ħadd mhux magħruf kien qiegħed jipprova jagħmel hacking tas-sistema tal-Bank.

Minn dakinhar sal-lum il-Bank mhux biss għadda minn esperjenza ġdida ta’ attakk serju fuqu, ta’ lqugħ u azzjoni immedjata fil-konfront ta’ min kien qiegħed jipprova jingannah, imma wkoll installazzjoni ta’ aktar sistemi li jkomplu jagħmluha aktar diffiċli li xi ħadd jagħmel b’suċċess hacking fuq is-sistema bankarja tal-Bank.

Sorsi fil-Bank of Valletta li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ il-mument qalulna li b’sodisfazzjon kbir fil-ġranet li għaddew il-Bank kompla jirkupra aktar flus li kienu laħqu ħarġu mill-Bank. Dan it-tentattiv se jkompli jissokta fil-jiem li ġejjin, iżda kollox jindika li l-flus kollha li laħqu ħarġu – ċirka €13-il miljun – mhux se jkunu rkuprati kollha.

Min tkellem ma’ il-mument fissrilna kif il-Bank aġixxa tajjeb ferm u b’immedjatezza biex iwaqqaf l-attakk ta’ hacking fuqu, aktar u aktar meta fil-bidu ma kienx magħruf tramite liema sistema kienet qed issir din il-hacking. Madankollu l-Bank, fi żmien ta’ ftit minuti, iddeċieda li jitfi s-sistema bankarja kollha bħala miżura ta’ kontroll assolut.

“Iva, kien hemm b’kollox 11-il talba għal ħlasijiet ta’ somom ta’ flus li b’kollox kienu jammontaw it-€13-il miljun. Dawn jistgħu jkunu deskritti bħala talbiet fittizji għal ħlasijiet.

“Il-Bank investiga minn min kienu qed isiru dawn it-talbiet u kien stabbilit li l-hacker hu wieħed li għamel ħdax-il talba. Irriżulta wkoll li dan ma kienx klijent tal-Bank. Kien għalhekk li twaqqfu s-sistemi kollha tal-Bank biex hekk ma kienx aktar possibbli li jsiru transazzjonijiet jew operazzjonijiet bankarji.”

Is-sors ta’ il-mument tkellem ukoll dwar kif fil-jiem li għaddew il-Bank kompla jsaħħaħ “il-ħitan ta’ protezzjoni tiegħu” biex jilqa’ għal xi ħaġa simili fil-futur.

“I-Bank għandu ħafna mezzi li jagħrfu tipi ta’ hacking biex hekk jilqgħu għal tali sitwazzjoni. Jidher li dan kien xi tip ġdid li allura l-Bank irid jilqa’ għalih ukoll biex dak li ġara fil-jiem li għaddew ma jerġax jiġri. Fil-fatt dak li ġara f’dawn il-jiem wera li l-Bank hu preparat biex jaġixxi minnufih ħalli jassigura li ma jkunx hemm hacking fil-konfront tiegħu. Iżda dak li ġara jkompli jistimula lill-Bank biex jissokta jagħmel aktar investimenti biex jassigura aktar kontrolli fis-sistema bankarja tiegħu.”