Konferma oħra li l-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet b’detriment għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna

“Ir-rapport tal-Ombudsman dwar il-Forzi Armati ta’ Malta huwa ċertifikat ieħor li l-istituzzjonijiet inħatfu mill-Gvern b’theddida għad-demokrazija u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Dr Delia qal li l-Ombudsman stess ikkonferma li hemm sistema li hija magħmula biex jinħolqu l-inġustizzji u dak li jiddeċiedi l-Ministru jiġi impost fil-Forzi Armati ta’ Malta. Dan kollu b’theddida għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Ir-rapport tal-Ombudsman ikkonferma li l-promozzjonijiet li ngħataw fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-2013 u wara, kienu abbużivi u dan wassal biex avvanzaw ‘il ftit u nqabżu oħrajn. Adrian Delia qal il-persuni maqbuża m’humiex viċin tal-Partit Laburista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan juri li l-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna b’detriment għad-demokrazija u l-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ Malta.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi tan-nies u se jibqa’ qrib kulħadd, inkluż tal-Għawdxin, li qed iħossuhom injorati mill-Gvern.  Minflok jagħtihom vuċi, l-Gvern irid li jwaqqaf awtorità li tkun ikkontrollata mill-Ministru minflok jagħtihom il-poter li jiddeċiedu huma stess. Għal kuntrarju iżda, l-PN irid Għawdex reġjun fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, biex l-Għawdxin jiddeċiedu huma u Kunsill Reġjonali li jkun elett direttament mill-Għawdxin bil-poteri eżekuttivi u b’finanzjament adegwat.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista issa ilu jitkellem fuq il-problemi li qed jinħolqu bil-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan; mudell ekonomiku li qed joħloq diffikultajiet f’bosta setturi. Huwa qal li mill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista qed iressaq bosta proposti konkreti fosthom 80 proposta għall-Kunsilli Lokali, għall-ekonomija, għall-bdiewa u r-raħħala, l-qbiela, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer, l-iskart tal-kostruzzjoni, l-work life balance u Għawdex.