Rugby Sport

L-Irlanda titħabat biex tirbaħ kontra l-Italja

(Ritratt: EPA)

L-Irlanda tħabtet biex għelbet lit-tim nazzjonali Taljan fi Stadio Olimpico iżda l-isforzi tagħhom wasslu biex kisbu wkoll punt żejjed b’rebħa ta’ 26-16. It-Taljani saħansitra kienu minn fuq 16-12 fi tmiem l-ewwel taqsima.

B’hekk l-Irlanda żammet it-tamiet żgħar li tirbaħ is-Six Nations filwaqt li l-Italja għadha qed tfittex l-ewwel rebħa fil-kompetizzjoni mill-2015. Il-logħba li jmiss tal-Italja hi kontra l-Ingilterra fi Twickenham filwaqt li l-Irlanda tilqa’ lil Franza.

L-Irlandiżi kellhom bidu tajjeb bi try ta’ Roux wara 11-il minuta u conversion tas-solitu Jonny Sexton.  Penalty ta’ Allan naqqas id-distakk għal 7-3 iżda l-Irlanda mill-ewwel reġgħet kabbret il-vantaġġ bil-winger Stockdale jieħu vantaġġ mill-ballun fit-tul ta’ Sexton. Iżda l-Plejer tas-Sena tal-2018 naqas li jagħmel il-conversion.

B’vantaġġ ta’ 12-3, ħafna ħasbu li l-logħba kienet sejra naħa waħda, iżda l-Italja kellha ħsieb ieħor, b’penalty ieħor ta’ Allan biex try ta’ Padovani fit-33 minuta naqqset id-distakk għal punt. Kien Morisi li minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima skorja t-tieni try tat-Taljani u daħħalhom sorprendentament fil-vantaġġ 16-12.

Is-saħħa tal-Irlanda wasslet biex fit-tieni taqsima kkanċellaw l-attakki tal-Italja u fil-50 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ bi try ta’ Earls u conversion ta’ Murray, biex tal-aħħar għalaq il-logħba fis-67 bi try u conversion għal skor finali ta’ 26-16.