Internazzjonali

L-Oscars: L-aktar lejla prestiġjuża għal Hollywood

Iċ-ċerimonja għall-preżentazzjoni tal-Oscars ta’ din is-sena se ssir fis-sigħat bikrin tat-Tnejn fl-Istati Uniti u fejn jingħata unur mistħoqq lill-films, l-atturi, id-diretturi u protagonisti oħrajn li ddistingwew ruħhom l-aktar fid-Dinja taċ-Ċinema.

Filwaqt li s-sorpriżi, is-soltu, ma jonqsux f’dawn is-serati, il-produzzjonijiet ‘Roma’ ta’ Alfonso Cuaron u ‘The Favourite’ tad-direttur Yorgos Lanthimos, huma ż-żewġ favoriti għall-akbar unur – jiġifieri l-Oscar għall-Aqwa Film. Intant, iż-żewġ films għandhom għaxar nominazzjonijiet kull wieħed għad-diversi kategoriji.

Hemm ukoll aspettativa sostanzjali għall-film ‘Green Book’ — bil-bookmakers qed jagħmlu lil Rami Malek favorit għall-Oscar li jingħata lill-Aħjar Attur grazzi għall-mod kif hu interpreta lill-kantant ta’ Queen, Freddie Mercury, fil-film ‘Bohemian Rhapsody’.

Il-premjazzjoni tal-Oscars għal darb’oħra se ssir fid-Dolby Theatre ta’ Los Angeles u – bħala novità – l-ispettaklu ta’ din is-sena se jkun nieqes minn preżentatur (MC) speċifiku, għall-ewwel darba fi 30 sena.