Wara l-kritika mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li l-Prim Ministru nesa għalkollox lill-bdiewa Maltin, fl-aħħar il-Mexxej Laburista Joseph Muscat iddeċieda li jsellem lill-bdiewa fid-dawl tal-ħsarat li ġarbu wara l-maltemp tal-aħħar sigħat.
Waqt l-intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, Muscat kompla billi tkellem dwar is-sistema tat-trasport pubbliku, fejn uża’ l-maltemp bħala skuża għaliex il-karozzi tal-linja mhux qed jgħaddu fil-ħin.
Hu faħħar ix-xogħolijiet li saru fl-Iskola ta’ Marsaskala, li oriġinarjament kienet tifforma parti mill-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonlista għall-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Madankollu, hu ma rrefera bl-ebda mod għal kif l-istudenti qed jirċievu l-lezzjonijiet f’kontejner għax l-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar għadha ma tlestietx, jew jekk il-Gvern għandux idea meta ħa titlesta l-Iskola Primarja tal-Imsida .
Fid-dawl tad-diversi permessi li l-Gvern qed jagħti minn żmien għall-ieħor għal pompi ġodda tal-petrol, Muscat irrikonoxxa li fil-futur qrib, mistennija żieda fl-ammont ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku.
Tant hu hekk, li kkommetta ruħu li eventwalment kull karozza li tiġi importata għandha tkun b’din it-teknoloġija.
Madankollu, hu rrikonoxxa l-piż li wieħed jista’ jsib bħalissa biex jiċċarġja dawn it-tip ta’ vetturi.
F’parti qasira tal-intervista, Muscat għamel referenza għall-eluf ta’ Torok li mistennija jinġiebu f’pajjiżna. Filwaqt li ċaħad li dawn se jitqegħdu f’tined, ma għamel l-ebda referenza jekk dawn hux se jitpoġġew f’kontejners, kif żvelat fl-aħħar jiem minn NET News.
Fil-fatt, hu baqa’ pass lura milli jgħid jew jikkonferma fejn dawn se jkunu qed joqgħodu.
Sadanittant fi stqarrija li ghamel il-Partit Nazzjonalista qal li , Joseph Muscat ħoloq kriżi hu stess meta ddeċieda li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni u dan bla pjan fit-tul. Dan il-mudell ekonomiku qed joħloq diffikultajiet u problemi f’bosta setturi oħra bħalma huma l-infrastruttura, t-trasport, l-ambjent u l-pagi.
It-tkabbir ta’ l-popolazzjoni bla rażan qed twassal għaċ-cheap labour u biex il-prekarjat qed jerġa’ jgħolli rasu, dan kif qaltlu wkoll bint il-Perit Dom Mintoff, l-ekonomista Yana Mintoff, li dan il-mudell ekonomiku mhux wieħed tajjeb għall-ġid tal-ħaddiema u għal pajjiżna.
//= $special ?>
