Claude Puel tkeċċa minn manager Leicester, sena u erba’ xhur wara li kien ħa t-tmexxija tat-tim. Id-deċiżjoni ttieħdet wara t-telfa ta’ 4-1 li Leicester sofrew fil-King Power Stadium kontra Crystal Palace. Din it-telfa ħalliet lil Leicester fit-12-il post fil-Premier League.
Il-Franċiż kien taħt pressjoni fl-aħħar ġimgħat wara li Leicester sofrew sitt telfiet fl-aħħar seba’ logħbiet, fosthom eliminazzjoni fl-FA Cup kontra Newport County ta’ League 2. Fi stqarrija, Leicester irringrazzjaw lil Puel tal-impenn tiegħu u awgurawlu għall-futur. L-assistent Jacky Bonnevay ħalla lill-klabb ukoll. Sakemm jinstab is-suċċessur, it-tim se jkun f’idejn Mike Stowell u Adam Sadler.
Puel kien imfaħħar għal mod kif ġab ruħu meta s-sid ta’ Leicester Vichai Srivaddhanaprabha miet fis-27 ta’ Ottubru li għadda. Il-klabb fl-2016 rebaħ il-Premier League taħt it-tmexxija ta’ Claudio Ranieri iżda t-Taljan tkeċċa fl-istaġun ta’ wara. Is-sostitut tiegħu Craig Shakespeare mexxa lit-tim sa Ottubru tal-2017, b’Puel jidħol minfloku u mexxa lil Leicester sad-disa’ post.
Iżda l-metodi ta’ Puel kienu kkritikati bl-aħrax mill-partitarji, partikolarment l-użu tal-attakkant Jamie Vardy. Waqt il-perjodu tal-festi, Leicester għelbu lil Chelsea, Manchester City u Everton iżda ilhom mingħajr rebħa mill-1 ta’ Jannar. L-impenn li jmiss ta’ Leicester hu għada kontra Brighton qabel il-konfront kontra Watford il-Ħadd li ġej.
//= $special ?>