Internazzjonali

Vatikan: Il-Papa iqabbel l-abbuż sesswali tat-tfal mas-‘sagrifiċċji tal-bnedmin’

I

Il-Papa Franġisku kkonkluda s-summit tal-Knisja dwar il-pedofelija b’wiegħda għal azzjoni konkreta fil-konfront tal-abbuż tat-tfal mill-membri tal-kleru. Il-Kap tal-Kattoliċi, fl-aħħar ta’ dan is-summit li dam għaddej erbat ijiem,tenna li dawk ir-reliġjużi li huma ħatja minn dan l-abbuż għandhom jitqiesu bħala ‘għodda tax-xitan’.

Għaldaqstant, il-Papa beħsiebu jitratta kull każ ta’ abbuż li jkun iffaċċjat biha bl-akbar serjetà u, f’kumment partikulari, qal li l-abbuż tat-tfal bi skop sesswali jfakkru fil-prattika antika fejn it-tfal spiċċaw issagrifikati bħala ritwal ‘krudili’ tal-pagani.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Vatikan mistenni jintroduċi roadmap li jfassal azzjoni fil-konfront ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż mill-membri tal-kleru. Ir-roadmap għandu jibbaża fuq l-esperjenzi ta’ dawk li kkontribwew għal dan is-summit partikulari.

Fid-diskors tal-għeluq, il-Papa qal li l-vittmi tal-abbuż ‘issa’ se jkunu l-priorità u li l-isqfijiet se jingħataw linji gwida ċari u ġodda fuqhiex jibbażaw l-azzjoni li trid tittieħed f’każi bħal dawn. Il-Papa Franġisku wiegħed ukoll tmiem għall-‘cover-ups’ f’każi ta’ pedofelija marbutin mal-membri tal-knisja u biex min jabbuża jitressaq għall-ġustizzja.

‘Ma tista’ tingħata l-ebda spjegazzjoni għall-abbuż li jinvolvi t-tfal’, qal il-Papa li enfasizza li t-Tmexxija tal-Knisja tinsab fi dmir li ‘tisma u taġixxi fuq il-karba tal-innoċenti.

Il-Papa jinsab taħt pressjoni biex jipprovdi soluzzjonijiet għall-kriżi tal-abbuż tal-minorenni li hi waħda mill-akbar problemi li kellha tiffaċċja l-knisja moderna. Meta kien elett Papa fl-2013, Franġisku kien sejjaħ għal ‘azzjoni deċiżiva’ dwar l-issue, bil-kritiċi jgħidu li hu ma għamilx biżżejjed biex l-isqfijiet li, allegatament, ħbew dawn l-abbużi jagħtu kont ‘bix-xieraq’ ta’ għemilhom.