Il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela, Juan Guaido, sejjaħ biex pajjiżi oħra ‘jikkunsidraw il-miżuri kollha’ għat-tneħħija tar-rivali kbir tiegħu, Nicolas Maduro, mill-Presidenza tal-pajjiż.
Dan meta l-pressjoni żdiedet fuq Maduro, fost il-vjolenza attwali fil-konfront tal-impenji tal-Oppożizzjoni li, fl-aħħar jiem, ippruvat iddaħħal l-għajnuna urġenti fil-Veneżwela.
Il-President Maduro fl-aħħar sigħat kien qed jagħmel l-almu biex il-provvisti tal-għajnuna ma jidħlux f’pajjiżu meta talanqas żewġ persuni tilfu ħajjithom waqt konfronti, qrib il-fruntiera, bejn ċivili u truppi tal-Gwardja Nazzjonali li huma leali għal Maduro.
Sadanittant, Guaido – li jiem ilu ddikjara lilu nnifsu bħala l-‘Mexxej proviżorju’ tal-Veneżwela – mexxa gruppi ta’ voluntiera biex jiġbru u jwasslu l-għajnuna mill-Brażil u l-Kolombja lejn il-Veneżwela. Madankollu, l-impenn irriżulta f’sensiela ta’ battalji bejn il-voluntiera u s-suldati, minbarra inċidenti oħrajn mal-fruntiera.
Ir-rapporti, intant, irreferew għal każi fejn is-suldati ta’ Maduro sparaw fuq in-nies bil-balal tal-gomma u bil-munizzjon proprju. Dan wassal għal reazzjoni min-naħa tas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, li kkundanna bla riservi l-vjolenza min-naħa tal-qawwiet tal-President Veneżolan.
Sadanittant, Pompeo qal li l-Istati Uniti tinsab lesta ‘biex tieħu azzjoni’ filwaqt li l-President Amerikan, Donald Trump, għamilha ċara li Washington ‘ma jeskludix għal reazzjoni armata’ fil-konfront tas-sitwazzjoni fil-Veneżwela.
Fil-preżent, Juan Guaido hu rikonoxxut minn talanqas 50 pajjiż bħala ‘il-proprju mexxej tal-Veneżwela’ u meta l-istess Guaido jinsisti li allegati irregolaritajiet fl-elezzjoni tal-2018 ( ġewwa pajjiżu) ifisssru li t-tmexxija ta’ Maduro hi waħda illeġittima.
Sadanittant, Guaido ħabbar l-intenzjoni tiegħu biex jipparteċipa f’laqgħa b’rappreżentanza ta’ diversi pajjiżi (fil-parti kbira Stati Latini) li se ssir f’Bogota, fil-Kolombja. Guaido hu determinat li jieħu sehem f’din il-laqgħa minkejja li Maduro imponielu projbizzjoni għall-ivvjaġġar. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab daqstant ieħor determinat biex l-għajnuna tasal lin-nies tal-Veneżwela anki jekk il-President Maduro għalaq parzjalment il-fruntieri tal-pajjiż fost kummenti dwar ‘theddid lis-sigurtà u lis-sovranità ta’ pajjiżu.’
//= $special ?>

