Internazzjonali

Allegat xiri ta’ voti fl-elezzjoni tal-Moldova

Numru ta’ osservaturi kkundannaw dak li fissru bħala ‘indikazzjonijiet qawwija ta’ xiri ta’ voti’ fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar il-Ħadd fil-Moldova. Intant, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) ukoll irrappurtat ‘pressjoni fuq ħaddiema pubbliċi’ u ‘użu illegali ta’ riżorsi tal-Istat’ f’din l-eksrepubblika Sovjetika.

Il-politika fil-Moldova tinkludi partiti favur ir-Russja u l-Unjoni Ewropea li ta spiss jikkonfrontaw lil xulxin. Filwaqt li ħarġu akkużi dwar frodi elettorali fil-konfront tal-Partit Demokratiku fil-Gvern, ir-riżultati mill-elezzjoni ma indikaw l-ebda rebbieħ ċar.

Ħafna mill-kontroversja tirreferi għall-votanti fir-reġjun ta’ Trans-Dniester li twasslu lejn zoni oħrajn biex jivvutaw – u meta l-partiti fil-Moldova qed jakkużaw lil xulxin dwar ‘tixħim ta’ votanti minn dak ir-reġjun’.

Meta laħqu għaddew kważi l-voti kollha, il-kumitat elettorali f’Moldova qal li l-Partit Soċjalista ( favur ir-Russja) rebaħ l-akbar appoġġ b’31 fil-mija tal-vot, iżda l-Partit Acum u l-Partit Demokratiku ( it-tnejn favur l-UE) spiċċaw it-tieni u t-tielet.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-partiti, issa, se jidħlu f’negozjati bil-għan li jiffurmaw Gvern.