Passiġġier fuq ajruplan li ħataf membru tal-ekwipaġġ bħala ostaġġ fost theddid li ‘jattakka lill-kabina’, instab li kellu fuqu pistola-ġugarell u mhux arma tan-nar proprja.
Id-drama li seħħet nhar il-Ħadd waqt titjira minn Dhaka lejn id-Dubaj intemmet bil-qtil tar-raġel taħt idejn il-qawwiet speċjali ta’ Bangladesh li assedjaw l-ajruplan (tal- Birman Airlines) wara li dan għamel inżul ta’ emerġenza f’Chittagong.
Fuq l-ajruplan kien hemm 148 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ u dawn, wara, niżlu bla inċident mill-ajruplan. Uffiċjali aktar tard qalu li l-passiġġier li qala’ il-paniku ‘kellu l-problemi mentali’ u li hu, fost oħrajn, ‘kien xtaq li jitkellem mal-Prim Ministru ( ta’ Bangladesh) Sheikh Hasina’.
Il-passiġġier issa ġie identifikat bħala Mohammad Palash Ahmed, ta’ 25 sena, bin-nies qrib tiegħu jgħidu li hu kien qed jittama f’karriera bħala attur.
Waqt l-eqqel tal-paniku fuq l-ajruplan kien maħsub li Ahmed kien qed iġorr l-isplussivi, b’numru ta’ passiġġieri jgħidu li ‘rawh ixejjer arma tan-nar’. Madankollu, l-awtoritajiet tal-pulizija, wara, ikkonfermaw li s-suspettat kellu fuqu biss ġugarell u l-ebda splussivi.
Intant, l-investigaturi qed jippruvaw isiru jafu kif Ahmed irnexxielu jtella dan il-ġugarell abbord wara li għadda mis-sistemi tas-sigurtà fl-ajruport ta’ Dhaka.
Wara l-inċident, żdiedet is-sigurtà fl-ajruporti kollha ta’ Bangladesh u b’mod partikulari fl-ajruport internazzjonali ta’ Hazrat Shahjalal, fil-kapitali.
//= $special ?>

