Basketball Sport

Depiro u Hibernians jgħaddu għall-finali tan-knock-out

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-finali tal-BOV Knock-out se tkun kontestata bejn Depiro u Hibernians wara li għelbu lil Gżira Athleta u Starlites GIG rispettivament f’żewġ logħbiet missielta.

GŻIRA ATHLETA………… 86   DEPIRO………………………… 89

(25-22, 23-21, 29-14, 9-32)

Gżira: N. Vasovic (2), C. Crossland (19), P. Shoults (8), L. Stankovic, A. Priminic, N. Xuereb (11), M. Gouder (7), V. Pace (23), I. Mitrovic, J. Gaity (16)

Depiro: T. Steers (24), K. Hamilton (10), J. Attard, D. Farrugia (7), A. Aquilina, N. Grech (2), O. Said (22), M. Mallia, M. Borg, J. Kygrand (18), A. Choma (6), A. Attard

Referees: B. Vassallo, Z. Dobrosveljevic, C. Xuereb

Wara l-aħħar wirjiet, Gżira Athleta bdew favoriti biex ikomplu l-forma pożittiva u jiksbu post fil-finali. Huma dehru resqin lejn ir-rebħa wara li bnew vantaġġ tajjeb, iżda Depiro jistgħu jagħtu sfida lil kulħadd u rnexxielhom idawru r-riżultat bl-aħħar perjodu jkun stupend għalihom.

Gżira kellhom vantaġġ żgħir ta’ tliet fl-ewwel minuti, liema vantaġġ żammewh sa tmiem it-tieni sessjoni bi skor ta’ 25-22. Depiro rnexxielhom idawru l-vantaġġ għal 30-29 iżda Athleta fetħu distakk ta’ seba’ punti u daħlu jistireħu 48-43. Athleta żiedu fil-logħob u ħasdu lil Depiro biex bdew l-aħħar għaxar minuti 77-57 fil-vantaġġ. Depiro bidlu l-mod kif jiddefendu u qelbu żona, tattika li biha Gżira kienu maħsuda u bdew isibuha diffiċli biex jiksbu l-punti.

Depiro rnexxielhom jiksbu l-ewwel 13-il punt u naqqsu d-distakk għal seba’ punti biss. Gżira Athleta kisbu erba’ punti iżda sofrew break ta’ 15-il punt li bihom Depiro marru 85-81 minn fuq. Huma pruvaw jirkupraw iżda Depiro kkontrollaw il-vantaġġ żgħir.

Aktar kalmi fil-mument deċiżiv

STARLITES GIG………. 83   HIBERNIANS…………… 91

(19-19, 28-21, 16-25, 20-26)

Starlites: A. Felice Pace (2), N. Formosa (6), R. Bonnici, I. Felice Pace, C. Ward (31), D. Falzon, M. Scerri, R. Carabott (5), W. Daily (17), A. Seers (14), J. Stolt (8)

Hibernians: R. Vella (2), M. Attard, K. Sultana, L. Farrugia (5), M. Formosa, I. Bonett, L. Tardito (15), A. Axiaq (8), M. Matijevic, A. Lizuar (19), I. Deminesec (20), C. Camilleri, C. Patus (22)

Referees: T. Mantre, K. Dominiczak, D. Torok

F’logħba bilanċjata, kienu Hibernians li baqgħu aktar kalmi biex kisbu post fil-finali. Starlites bdew jgħaġġlu fil-konklużjonijiet tagħhom meta kien għad baqa’ l-ħin, b’Hibernians jieħdu vantaġġ biex aċċertaw mir-rebħa.

Hibernians bdew l-aħjar meta fetħu vantaġġ ta’ 9-2, iżda mal-ħin Starlites tjiebu, b’Ward ikun f’vena tajba hekk kif huma spiċċaw l-ewwel perjodu fi draw ta’ 19-19. Il-Pawlisti reġgħu bdew tajjeb is-sessjoni u marru 29-24 minn fuq, iżda reazzjoni minn Starlites wasslet biex dawru r-riżultat u marru 42-38 fil-vantaġġ u daħlu jistrieħu 47-40 wara li Hibernians ma kinux preċiżi.

Wara l-mistrieħ, kienu Starlites li kabbru d-distakk għal 10 punt. Dan il-mument ġab lil Hibernians f’posthom hekk kif bdew jilagħbu aħjar u sa nofs is-sessjoni marru 60-57 minn fuq u bdew l-aħħar sessjoni 65-63 fil-vantaġġ.

Il-vantaġġ ta’ Hibernians kiber għal 78-68 iżda tliet konklużjonijiet mill-bogħod reġgħu daħħlu fil-logħba lil Starlites. Huma saħansitra kellhom iċ-ċans li jagħmlu l-iskor indaqs iżda Formosa għaġġel, b’Hibernians jieħdu r-rebound u aċċertaw ir-rebħa bil-free-throws.