Lokali

FILMAT: Daqqa għad-dillettanti tal-Karnival

'Kienet l-agħar ħolma ta’ ħajti’

‘Kienet esperjenza tal-biżgħa… l-agħar ħolma ta’ ħajti’. Hekk stqarr Chris Aquilina, dilettant tal-Karnival illi qasam magħna dak li għaddew minnu hu u sħabu, matul il-jiem tas-Sibt u l-Ħadd.

Żjara sal-maħżen fejn hemm il-karrijiet tal-Karnival fil-Marsa, wieħed mal-ewwel seta’ jinnota d-diżappunt fuq wiċċ id-dilettanti tal-Karnival. Dan wara li l-maltemp u r-riħ qawwi li ħakem lill-Gżejjer Maltin tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet ikkawża ħsarat estensivi fuq dawn il-karrijiet.

Ħafna stqarrew magħna li dak kollu li kienu ilhom jaħdmu għalih għal kważi sena sħiħa, spiċċa tar litteralment mar-riħ. Uħud mil-karrijiet spiċċaw b’partijiet minnhom imkissra, kif ukoll karru partikolari spiċċa mkisser totalment. Wieħed seta’ jinnota wkoll li l-ħadid tat-tinda li kienet qed toffri kenn lill-karrijiet spiċċat tgħawġet kawża tar-riħ qawwi.

Għalkemm il-pika fil-Karnival ma tonqosx…waqt dawn il-jumejn ta’ maltemp dawn id-dilettanti ngħaqdu flimkien u kienu ta’ għajnuna għal xulxin. Dan biex finalment ikunu salvati dawn il-karrijiet u b’hekk ikunu jistgħu jitgawdew mill-poplu Malti.

U kif jgħidu…. wara l-maltemp, jiġi l-bnazzi. U għalhekk il-ħidma ta’ dawn id-dilettanti tal-Karnival tkompli biex fi tmiem din il-ġimgħa jiġi organizzat il-Karnival tradizzjonali Malti.