Lokali

FL-2018: Kienu 18 dawk li mietu f’inċidenti tat-traffiku

Bejn Ottubru u Diċembru kien hemm aktar minn 3,500 inċident fit-toroq tagħna

Matul is-sena li għaddiet kienu 18 il-persuni li mietu f’inċidenti tat-traffiku – fatalita’ inqas mill-2017.

Dan kien konfermat minn ċifri li ħarġu illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Id-data turi li fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, l-inċidenti fit-toroq tagħna żdiedu b’1.8 fil-mija meta mqabbel mal-2017. B’kollox, fl-aħħar 3 xhur tas-sena kien hemm 3,512 inċident. Iżda meta wieħed iħares lejn sena sħiħa, kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ inċidenti.

B’kollox fl-2018 bħala sena sħiħa kien hemm 14,378 inċident tat-traffiku. Minn dawn, l-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew f’Birkirkara.

L-istatistika turi li fi kwart mill-inċidenti kien hemm muturi involuti. Iżda l-maġġoranza jibqgħu każijiet fejn ikollok ħabta li tinvolvi karozza.

F’Għawdex biss, fl-2018 kien hemm 844 inċident tat-traffiku.