Sport Sport Ieħor

Flörsch se tirritorna ssuq wara l-ħabta kerha ta’ Novembru li għadda

Is-sewwieqa tal-Formula 3 Sophia Flörsch se tirritorna fl-azzjoni l-ġimgħa d-dieħla għall-ewwel darba minn meta qasmet l-ispina ta’ darha f’ħabta kerha b’impatt kbir f’Novembru li għadda. Il-Ġermaniża ta’18-il sena se tieħu sehem fit-testijiet tal-pre-season f’Monza ma’ Van Amersfoot Racing l-Erbgħa 6 ta’ Marzu u l-Ħamis 7 ta’ Marzu. B’hekk se jkunu għaddew 106 ġranet wara l-operazzjoni.

“Dan se jkun mument veru eċċitanti li se nerġa’ nkun f’karozza għal darba oħra. Grazzi kbira lit-tim u l-isponsors kollha tiegħi li għamluha possibbli għalija li nirritorna u ntellaq f’dan l-istaġun. Hi emozzjoni sabiħa li taf li hemm nies jemmnu fik,” qalet Flörsch.

Il-karozza taż-żagħżugħa tilfet il-kontroll hekk kif kienet dieħla għal kantuniera fil-Grand Prix ta’ Macau. Il-karozza spiċċa taret fl-arja u ħabtet ma’ barrikata u kamra fejn ikun hemm il-fotografi. Hi kisret żewġ għadam fl-ispina iżda qalet li kien miraklu li baqgħet ħajja.