Basketball Sport

Il-finali tan-knock-out tan-nisa se tkun kontestata bejn Hibernians u Luxol

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-finali tal-BOV knock-out tan-nisa se tkun kontestata minn Caffe Moak Luxol u Hibernians wara li għelbu lil Depiro u Starlites GIG fis-semifinali. Ir-rebħa ta’ Hibernians waslet bl-aħħar sforzi. Starlites kellhom l-aħjar bidu u marru 10-4 minn fuq, b’Hibernians inaqqsu d-distakk għal 12-10 sa tmiem l-ewwel perjodu. Il-logħba baqgħet tkun bilanċjata, bil-vantaġġ jinbidel diversi drabi. Hibernians daħlu jistrieħu 25-24 sal-ħin tal-mistrieħ.

Starlites għamlu l-iskor 30-30 iżda wara li Hibernians kisbu ħames punti vantaġġ, Starlites irkupraw u bdew l-aħħar perjodu fi draw ta’ 40-40. Hibernians kellhom iwettqu reazzjoni biex jirkupraw l-iżvantaġġ iżda rnexxielhom imorru 51-47. Starlites ġabu d-draw iżda Hibernians kisbu erba’ punti mingħajr risposta biex għaddew għall-finali.

Fit-tieni semifinali, Luxol ma kellhomx diffikultà b’rebħa ta’ 75-41 kontra Depiro li sabuha diffiċli jilagħbu mingħajr barranin. Luxol marru minn fuq fl-ewwel minuti u temmew l-ewwel sessjoni 19-4 fil-vantaġġ.

Depiro ma kinux kapaċi jgħollu l-livell tagħhom u Luxol ħadu vantaġġ biex sa tmiem it-tieni perjodu kienu diġà 41-9 minn fuq. Konsegwenza ta’ dan id-distakk, Luxol naqsu ftit ir-ritmu tagħhom u Depiro għamlu l-iskor ftit rispettabbli iżda Luxol qatt ma kienu f’periklu li jitilfu l-logħba.