Lokali Temp

Il-ħsarat li kkaġuna l-maltemp mistennija jlaħħqu l-eluf

L-iskejjel dalgħodu fetħu b'mod normali

Mistennija jlaħħqu l-eluf il-ħsarat ikkawżati mill-maltemp qalil ta’ tmiem il-ġimgħa – riħ u xita illi kissru diversi strutturi tul il-kosta, minn Wied il-Għajn sa San Ġiljan…minn San Pawl il-Baħar sa Għawdex.

Fost dawk l-aktar milquta kienu s-sidien ta’ negozji li għandhom il-ħwienet jew l-istabbilimenti tagħhom qrib il-baħar. Il-mewġ qawwi ma ħafira lil ħadd, bil-baħar ikaxkar dak kollu li sab quddiemu.

Il-pitch tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar kien wieħed mill-aktar postijiet fejn ġew rappurtati ħsarat, u fejn saħansitra dehru vannijiet jitkaxxkru mal-mewġ. Dawn ittellgħu fit-triq kmieni dalgħodu (ritratt).

Ħafna qed jghidu li din kienet l-aktar Grigalata qawwija li qatt laqtet il-gzejjer Maltin.

Iżda llum sbaħna għal sitwazzjoni kemxejn aktar normali, fejn it-temp kważi ma ħarbat xejn u l-iskejjel fetħu b’mod normali.

It-temp għall-kumplament tal-jum huwa mbassar xi ftit jew wisq imsaħħab, bil-possibbiltà li tagħmel ix-xita u anke silġ aktar tard.

It-tbassir jindika ukoll li l-maltemp se jippersisti sal-Ħadd li ġej, bit-temperatura fil-weekend terga tinzel 5 gradi celcius.

Intant, kaġun tal-maltemp kellha tiġi posposta l-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-PN – Kunsill Ġenerali li issa jigi fi tmiemu l-Erbgħa filghaxija bid-diskors tal-Kap tal-PN Adrian Delia.