Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ imħassba serjament dwar is-settur tal-kiri

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija hi mħassba dwar in-nuqqas ta’ sostenibbilta’ fis-settur tal-kiri f’pajjiżna. Dan intqal permezz ta’ stqarrija maħruġa aktar kmieni illum.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li fejn jidħol il-kirjiet ma nistgħux nibqgħu bl-istatus quo. U għalhekk ressqet numru ta’ porposti konkreti li jinkludu r-reviżjoni tal-kriterji li jistabbilixxu min hu eleġibbli għall-IIP, analiżi dwar kemm hawn proprjeta’ vojta f’pajjiżna, direzzjoni ċara lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, u li nassiguraw illi f’pajjiżna jkollna propjetajiet li kulħadd jaffordja.

Dwar dan, il-Kap tal-PN Adrian Delia ilu xhur sħaħ jitkellem u jenfasizza fuq il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha interessati. Dan għaliex is-sitwazzjoni tal-kirjiet qed tolqot eluf ta’ familji u ħaddiema, u mhux biss lil persuni meqjusa fil-faxxa t’isfel tas-soċjeta’.

Fl-istqarrija tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ tagħmel referenza għall-effetti li qed tħalli l-mossa tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni. Tinsisti fost l-oħrajn li qed isir bini bla rażan – bini li jaf jibqa’ vojt la darba pajjiżna jaffaċja ċiklu ekonomiku negattiv.

Il-Kamra tal-Kummerċ tuża kliem iebes ferm fil-konfront tal-famuża White Paper li tant ftaħar biha l-Gvern, u tinsisti li din ma toffri l-ebda soluzzjoni fit-tul għall-problema tal-kirjiet.

L-istqarrija ttemm billi tirrimarka li l-Maltin ma jistgħux jibqgħu iħallsu żieda wara l-oħra fil-prezz tal-akkomodazzjoni.