Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li l-Korea ta’ Fuq tista’ issir waħda mill-‘potenzi ekonomiċi kbar’ dment li ċċedi għall-armamenti nukleari.
F’messaġġ fuq Twitter, Trump sostna li l-Korea komunista, fil-fatt, ‘għandha aktar potenzjal għall-iżvilupp mgħaġġel milli kwalunkwe pajjiż ieħor’.
Intant, il-kummenti ta’ Trump ingħataw ftit sigħat wara li s-Segretarju għall-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li r-reġim komunista fi Pyongyang għadu jitqies bħala theddida nukleari.
Il-President Trump, f’nofs il-ġimgħa, jiltaqa’ mal-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un għat-tieni summit ta’ bejniethom, li din id-darba se jsir f’Hanoi, il-kapitali tal-Vjetnam. Dan meta Donald Trump qed jistenna l-kontinwazzjoni tal-proċess li kien inawgurat fl-ewwel summit ta’ Ġunju, organizzat f’Singapore.
Il-President Amerikan, fl-aħħar kummenti, insista li mhux se jwettaq pressjoni eżaġerata fuq il-Korea ta’ Fuq. Hu spjega li mgħandux għaġġla partikulari biex iwassal għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea komunista u li għalissa, ikun kuntent f’sitwazzjoni fejn ‘ma jsirux aktar provi nukleari min-naħa ta’ Pyongyang’.
Trump qal dan fost il-preparamenti għat-tluq tiegħu lejn il-Vjetnam — bl-osservaturi jgħidu li ‘kliemu seta’ kien meqjus biex inaqqas l-aspettativa dwar is-summit’.
Intant, fl-aħħar sigħat, Kim Jong-un kien qed jivvjaġġa bil-ferrovija lejn il-Vjetnam bil-wasla tiegħu tkun mistennija għal tard bil-lejl.
Filwaqt li s-summit ta’ Singapore kien wieħed storiku, il-ftehim iffirmat dakinar minn Donald Trump u Kim Jong-un kien vag fid-dettall. Minn dak iż-żmien ‘il hawn sar ftit li xejn fir-rigward tal-impenn ‘konġunt’ għall-konferma tal-mezzi biex jitneħħew l-armi nukleari mill-Penisola Koreana.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat, Pompeo, ukoll qed jipprova jnaqqas ‘is-sens ta’ stennija żejda’ dwar is-summit fil-Vjetnam, iżda hu esprima tamiet li l-Istati Uniti u l-Korea komunista jagħmlu pass importanti lejn it-tragwardi komuni fil-laqgħat ta’ Hanoi.
//= $special ?>

