Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja jidħlu fis-seħħ immedjatament

Minkejja li għaddew aktar minn xahrejn minn meta l-Kummissjoni Venezja ppubblikat r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar Malta u minkejja li l-Gvern qal li jaqbel ma dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-fatt għadu ma sar xejn konkret sabiex idaħħal fis-sehh tibdiliet importanti li jassiguraw l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u li dawn l-istituzzjonijiet ikunu hemm biex iservu liċ-ċittadini u mhux biex jintużaw mill-Gvern. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Adrian Delia enfasizza li li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja u jrid li dawn jiddaħlu fil-Kostituzzjoni u l-liġijiet anċillari malajr kemm jista’ jkun. Adrian Delia qal li huwa urġenti li jkollna sistema ġdida kif fost l-oħrajn jinħatar il-President tar-Repubblika, kif l-Avukat Ġenerali ma jibqax jilbes żewġt ikpiepel kontradittorji, kif l-imħallfin u l-maġistrati ma jibqgħux jinħatru mill-Prim Ministru u jkollna proċess trasparenti għall-hatra tagħhom, kif Kummissjonijiet u awtoritajiet Kostituzzjonali jiġu maħtura u kif jitnaqqas il-poter eċċessiv li għandu l-Prim Ministru.

Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li hija magħmula minn esperti legali tal-Kunsill tal-Ewropa huma ċari, u simili għal dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li l-Prim Ministru qed jaħtaf il-poter mill-istituzzjonijiet, jikkontrollahom u jxekkel l-awtonomija tagħhom, b’detriment għas-saltna tad-dritt.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinsisti li mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja jkunu qed jiddaħħlu wkoll fil-Kostituzzjoni tagħna, malajr kemm jista’ jkun diversi aspetti importanti fosthom:

  • President tar-Repubblika li jkun elett b’żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
  • Kummissjonijiet kollha li huma msemmija fil-Kostituzzjoni, bħall-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni Elettorali, l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u oħrajn, jkollhom iċ-chairperson tagħhom maħtur b’żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, u fin-nuqqas b’ ħatra diretta mill-President tar-Repubblika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia nsista li għadna fil-ħin li l-President tar-Repubblika l-ġdid li jrid jinħatar fi żmien ftit ġimgħat oħra jiġi maħtur bil-vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, u jekk il-Prim Ministru verament għandu għal qalbu l-għaqda nazzjonali m’għandux ikun mill-kamp tal-Partit Laburista. Dan ikun l-ewwel pass ċar li l-Gvern verament jrid jattwa tibdiliet bis-serjetà biex jerġgħu jagħtu kredibilità lill-pajjiżna u istituzzjonijiet li jservu liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ma jkaxkarx iżjed saqajh għax saret biżżejjed ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjizna. Wasal il-mument li dawn it-tibdiliet jingħataw l-akbar importanza. Il-Partit Nazzjonalista lest li jagħti s-sehem sħiħ tiegħu biex dan iseħħ. Il-Gvern bil-paroli jidher li jrid izda bil-fatti ftit li xejn ghamel.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila.