Lokali

Il-PN se jaħdem fuq livell Ewropew biex jittaffa l-impatt lil kull min ġarrab ħsarat bil-maltemp

Stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-PN għall-Fondi Ewropej Robert Cutajar, mill-kelliem tal-Affarijiet Ewropej David Stellini u mit-tliet MEPs David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà ma’ dawk kollha li sofrew danni fuq il-propjetà privata tagħhom, mal-bdiewa li kellhom il-prodott tagħhom meqrud kif ukoll strutturi agrikoli bħal serer li tkissru jew ġarrbu ħsarat kbar, man-negozji speċjalment dawk li għandhom strutturi esposti għall-elementi, l-entużjasti tal-Karnival li ukoll sofrew id-danni kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra bħal dawk sportivi li setgħu ġarrbu ħsarat fil-faċilitajiet li jagħmlu użu minnhom.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu minnufih jaħtar tim ta’ esperti inkuż dawk mis-settur agrikolu u dawk mis-settur tal-infrastruttura sabiex jikkwantifikaw il-ħsara li saret kważa tal-maltemp u jagħmel sejħa pubblika sabiex dawk kollha milquta b’xi mod jew ieħor jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti quddiem l-awtoritajiet. Dan sabiex il-Gvern jara kif jagħmel l-aħjar użu mill-fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, liema appalikazzjoni trid issir fi żmien 12-il ġimgħa minn meta saret il-ħsara. Il-Gvern għandu wkoll jikkunsidra l-possibbiltà li jitlob ħlas bil-quddiem. Dan il-fond joffri għajnuna lill-pajjiżi membri meta jkunu milquta minn diżastri naturali permezz ta’ assistenza finanzjarja sabiex is-sitwazzjoni li tkun żviluppat tirritorna għan-normal mill-aktar fis possibbli.

Fost il-pajjiżi li għamlu użu minn dan il-fond kien hemm il-Latvja, wara li kienet milquta minn għargħar bejn Awwissu u Ottubru tal-2017, li għamel ħsara kbira lill-agrikoltura u l-infrastruttura. Sa xahar wara, l-Latvja kienet sottomettiet l-applikazzjoni tagħha biex timmobilizza l-fond u kienet inghatat ‘il fuq minn €17 miljun.

Il-Partit Nazzjonalisti jinsisti wkoll li jsir eżerċizzju sabiex fejn possibli jintużaw ukoll il-European Structural and Investment funds (2014-2020) biex itaffu l-impatt tal-ħsara li saret. Jekk l-applikazzjoni tkun ta’ suċċess, il-fond għandu jintuża b’mod trasparenti u jkun hemm distribuzzjoni ġusta lejn dawk li għandhom bżonn l-assistenza mingħajr diskirminazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista lest li joffri kull sapport lill-Gvern kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll permezz tal-MEPs tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Malta diġà bbenefikat minn €1 miljun minn dan il-fond wara li fl-2003 kienu seħħew ħsarat kbar minħabba l-maltemp. Il-Partit Nazzjonalista kien ukoll ħadem sabiex pajjiżna ma jkunx eskluż milli jagħmel użu minn dawn il-fondi permezz ta’ emendi li kien resaq l-MEP Simon Busuttil fil-Parlament Ewropew fl-2006. Dan għaliex il-limitu għall-ħsara finanzjarja propost originarjament kien wisq għoli sabiex Malta kienet tkun tista’ tibbenefika.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea għall-appoġġ u rimedju filwaqt li se jkun qed jagħmel pressjoni permezz tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li huwa l-aħbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew.

Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll lill-Gvern sabiex jagħti l-għajnuna kollha disponibbli lill-Kunsilli Lokali, għajnuna li tinkludi mhux biss dik ta’ ħaddiema minn dipartimenti varji iżda wkoll sostenn finanzjarju sabiex jissewwew postijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali, u li ġarrbu ħsarat fil-jiem li għaddew. Il-Partit Nazzjonalista jagħti wkoll l-appoġġ sħiħ u juri s-solidarjetà ma’ dawk kollha li b’xi mod setgħu sofrew xi forma ta’ ħsarat u jirringrazzja lill-ħaddiema kollha f’dipartimenti varji li taw u li għadhom qed jagħtu l-għajnuna tagħhom.