Futbol Sport

It-tim Malti jħalli pajjiżna lejn parteċipazzjoni fl-Aphrodite Cup

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa llum ħalla pajjiżna lejn Ċipru biex jipparteċipa fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Aphrodite Cup. Dan hu l-ewwel appuntament tat-tim Malti f’dik li se tkun sena mimlija. It-tim immexxi minn Mark Gatt, se jilgħab kontra l-Estonja l-Erbgħa, kontra Ċipru l-Ħamis u l-aħħar impenn ikun is-Sibt kontra l-Litwanja. Din hi r-raba’ darba li Malta se tieħu sehem f’din il-kompetizzjoni.

Il-kowċ nazzjonali sejjaħ skwadra ta’ 20 plejer li l-maġġoranza tagħhom jilagħbu mat-tliet timijiet ewlenin. Fl-iskwadra hemm ukoll tliet plejers li jilagħbu barra l-pajjiż. Dawn huma Nicole Sciberras li tilgħab ma’ Grifone Gialloverde, Martina Borg ta’ Fortitudo Mozzecane u Maria Farrugia li ftit ġimgħat ilu ngħaqdet ma’ Sunderland AFC Ladies. Assenti mill-iskwadra hemm il-midfielder Rachel Cuschieri ta’ PSV li tinsab imweġġa’.

Wara l-logħbiet f’Ċipru, it-tim Malti se jilgħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra r-Rumanija f’April, u kontra Bolton Wanderers f’Mejju. L-impenji ta’ Malta fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2021 jibdew f’Awwissu b’logħba kontra d-Danimarka u erbat ijiem wara kontra l-Bożnija żewġ logħbiet li jintlagħbu barra minn Malta. It-tim Malti tela’ fil-polza kontra l-Italja, id-Danimrka, il-Boznija u Ħerzegovina, l-Iżrael u Georgia.

Skwadra finali

Gowlkipers: Janice Xuereb (Birkirkara), Rachelle Lynn Borg (Mġarr United)

Difensuri: Rebecca Bajada (Birkirkara), Stephania Farrugia (Birkirkara), Jade Flask (Hibernians),Alishia Sultana (Birkirkara), Nicole Sciberras (Grifone Gialloverde, Charlene Zammit (Hibernians)

Midfielders: Yolande Attard (Swieqi United), Brenda Borg (Mġarr United), Simone Buttigieg (Swieqi United), Kayleigh Chetcuti (Hibernians), Maria Farrugia (Sunderland), Amber Grech (Mġarr United), Dorianne Theuma (Hibernians), Claudette Xuereb (Mġarr United), Shona Zammit (Hibernians)

Attakkanti: Martina Borg (Fortitudo Mozzecane), Ylenia Carabott (Birkirkara), Roxanne Micallef (Mġarr United)