Sport Sport Ieħor

Iż-żewġ finali tal-Kampjonat Assikura se jsiru l-Ħadd 10 ta’ Marzu

Illum fil-Board Room tal-Malta Racing Club, ingħataw l-aħħar dettalji tal-ewwel kampjonat tal-istaġun magħruf bħala l-Kampjonat Assikura. Għal sena oħra l-kampjonati huma abbinati mal-klassijiet Gold u Bronze fuq distanza ta’ 2140 metru.

Din is-sena kien hemm sitt heats fil-klassi Gold, b’total ta’ 66 parteċipant li minnhom 21 żiemel ħadu sehem f’żewġ semifinali biex ġew magħrufa t-12-il finalist. Il-finali kellha ssir ilbieraħ iżda kollox ġie pospost wara li l-programm ma sarx minħabba l-maltemp.

Fil-klassi Bronze, saru tmien heats b’84 żiemel li kkompetew, biex 32 minnhom ħadu sehem fi tliet semifinali li mistennija jsiru l-Ħadd li ġej. Iż-żewġ finali jsiru l-Ħadd 10 ta’ Marzu fejn se jitqassmu total ta’ €2400 fi premijiet u trofej lill-ewwel erbgħa.

Fil-konferenza stampa li fiha kien hemm preżenti ċ-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg u d-Direttur Maniġerjali ta’ Assikura Insurance Brokers Andrew Grech, is-sidien taż-żwiemel finalisti fi Klassi Gold tellgħu l-poloz taż-żwiemel biex isiru jafu n-numri li bihom se jitilqu wara l-karozza. Iż-żiemel Kaching ġie rtirat qabel il-polza.

L-ordni taż-żwiemel fil-finali tal-klassi Gold

1. Royal In, 2. Uncle Oaks, 3. Ruy Blas D’Ariane, 4. Black Gold, 5. Ripsos de Fa, 6. Tipol de Nappes, 7. Vivaldi de la Dive, 8. Sandsjons Revenue, 9. Quite a Feeling, 10. Axel Tilly, 11. Angelus du Pont