Charles Leclerc jittama li jkun kompetittiv biżżejjed kontra Sebastian Vettel biex jagħti problema sabiħa lil Ferrari fit-tentattiv li jirritornaw għas-suċċess. Waqt it-tnedija tal-karozza l-ġdida, il-Kap il-ġdid ta’ Ferrari Mattia Binotto ta ħjiel li l-prijorità f’sitwazzjonijiet partikolari tkun għal Sebastian Vettel.
Wara li spikka fl-istaġun tad-debutt ma’ Sauber, Leclerc qal li hu realistiku dwar fejn jinsab bħalissa fil-karriera tiegħu. Iżda hu jittama li jkun malajr kemm jista’ jkun f’pożizzjoni li jisfida lil sieħbu. “Hemm triq twila quddiemi iżda qed nipprova nkun lest malajr kemm jista’ jkun għall-ewwel tiġrija u jekk Mattia Binotto jkollu problema li jmexxi żewġ sewwieqa mela hu sinjal tajjeb għalija,” qal Leclerc.
Filwaqt li hi naturali li jkun hemm sfida għal min se jkun l-aħjar sewwieq fit-tim, kemm Vettel kif ukoll Leclerc insistew li l-interess prinċipali hu t-tim hekk kif Ferrari qed jippruvaw itemmu 11-il sena mingħajr suċċess.
Vettel qal diġà li mhux qed jistenna problemi personali ma’ Charles Leclerc u kkonferma li diġà qed jaħdmu tajjeb flimkien. Leclerc innifsu faħħar il-mod kif qed jaħdmu flimkien fl-ewwel ġranet tat-testijiet u kompla li hu tajjeb li jara l-punti b’saħħithom tiegħu u fejn jista’ jitgħallem minnu.
//= $special ?>