Futbol Sport

Manuel Cordina jiċħad li ta daqqa ta’ ponn lir-referee Joe Agius

(Ritratt: Gozo Football League)

Il-plejer ta’ Qala Saints Manuel Cordina skużu ruħu tal-inċident li seħħ is-Sibt wara nofsinhar fil-logħba bejn Oratory Youths u Qala Saints hekk kif il-logħba ġiet abbandunata mir-referee Joe Agius minħabba li allegatament qala’ daqqa mill-plejer ta’ Qala. Sat-63 minuta Oratory Youths kienu qed jirbħu 4-0.

F’kollegament telefoniku mal-preżentatur ta’ Replay Christian Micallef, Cordina ried ukoll jikkjarifika minħabba li fi kliemu sezzjonijiet tal-media esaġeraw il-każ. Hu qal li waqt il-logħba, ma qabilx ma’ deċiżjoni tal-assistent referee George Portelli u qallu “int bis-serjetà?”. Cordina żied li l-assistent referee qallu “iġrili ‘l hemm buffu. Għidtlu, int bis-serjetà buffu int.”

Wara li Portelli ġibed l-attenzjoni tar-referee Joe Agius, Cordina prova jispega dak li seħħ iżda r-referee ma tax każ u ħareġ il-karta l-ħamra. Cordina tajjar il-karta ħamra minn id ir-referee u kompla jgħid li mhux kif qed jintqal li ta daqqa ta’ ponn jew tah xebgħa.

“Ir-referee malli tajjartlu l-karta, xejjer idu u laqatni f’għonqi. Dik kienet il-każ kollu.” Manuel Cordina qal lil Christian Micallef li hu kellu jmur għand it-tabib ukoll. Hu kompla li jaqbel li ma kienx floku li jmiss il-karta b’idejh iżda qal li kien saħna ta’ mument, però ċaħad dak li qed jintqal fil-media.

Intant f’kollegament telefoniku ieħor, il-President tal-MFA Alexie Tabone qal li mill-indikazzjonijiet li għandhom, “il-plejer tal-Qala aggredixxa b’mod viljakk lir-referee u membru tagħna.” Hu żied li kellu kuntatt mar-referee li kien għadu ftit mitluf minn sensih u ma kienx qiegħed f’kundizzjoni tajba ħafna. “Kollox jindika li l-att u l-ġest sar.”

Tabone qal li se jkun qed jistenna lill-bordijiet tal-MFA li jagħtu l-piena li ħaqqu lill-plejer. Hu kompla li l-aħjar li għalissa jkunu kawti u jistennew il-kors tal-ġudizzju jsir kif suppost.