Lokali

“Manuvri moqżieża u persuni li jaslu għal kollox” – hekk jiddeskrivi lill-Partit Laburista s-Sindku Laburista

“Manuvri moqżieża u persuni li jaslu għal kollox” – Hekk stqarr fuq Facebook is-Sindku Laburista tar-Rabat Charles Azzopardi fejn mill-ġdid kompla jispjega kif ġie maltrattat mill-Partit Laburista.

Azzopardi tenna li wara li rċieva l-ittra li mhux se jitħalla jerġa’ jikkontesta mal-Lejber fl-elezzjoni tal-Kunsill, l-għada sar rapport anonimu fil-konfront tiegħu. Fl-istess post Azzopardi sostna li safa injorat kemm mill-PM Joseph Muscat kif ukoll mill-Ministru Owen Bonnici meta hu xtaq jiltaqa’ magħhom.

“Ir-rapport sar fuqi bil-għaġġla; sar internament mill-Partit li fih immilitajt is-snin”, kompla jsostni Azzopardi.

Fost diversi domandi, Charles Azzopardi jitfa’ dawl fuq kif ….skont ir-rapport li sar fuqu internament mill-Partit Laburista…. hu seta’ jikkontesta sal-2017 kieku kien hemm elezzjoni dik is-sena. Azzopardi staqsa x’inbidel f’daqqa waħda li mhux se jħalluh jikkontesta għall-elezzjoni ta’ din is-sena.

Is-sindku laburista qal li r-rapport li sar, jallega numru ta’ affarjiet kontrih u kontra terzi dwar l-operat tal-Kunsill…u sahansitra riedu jinvestigaw il-finanzi tal-Kunsll Lokali tar-Rabat.

Tenna li din kienet biss mossa biex jipprovaw iżommuh sieket, u li din l-investigazzjoni issa ilha li bdiet…tant li għaddew kważi ħames xhur.

Charles Azzopardi għalaq billi staqsa għalxiex il-Partit tiegħu warbu, filwaqt illi insista li ż-żmien se jtina parir.