Lokali Parlament

Lesti nikkoperaw biex jinġiebu kemm jista’ jkun fondi wara l-istraġi tal-maltempata – Adrian Delia

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar il-ħsara li kkaġunat lill-pajjiż il-maltempata qalilha l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jgħin u jikkontribwixxi kemm jiflaħ biex Malta tingħata fondi adegwati sabiex dawk li batew jiġu mgħejjuna finanzjarjament. Delia kien qed jagħmel il-punti tiegħu wara li l-Prim Ministru għamel stqarrija Ministerjali dwar ‘l hekk imsejjħa waħda mill-agħar maltempati li laqtet il-Gżejjer Maltin.

“L-Oppożizzjoni hija determinata li tgħin lil pajjiż u fil-fatt diġa tkellmet mat-tliet Deputati Ewropej tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech biex jibdew jitkellmu ma’ membri mportanti tal-Partit Popolari Ewropej (PPE), l-akbar partit fil-Parlament Ewropej, biex dawn jagħtu l-impetus kollu sabiex Malta tingħata l-għajnuna u l-fondi li tixirqilha” tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Filwaqt li huwa jaqbel mal-Prim Ministru li hemm bżonn li l-UE issib fondi adegwati fejn hemm fondi li wieħed irid japplika għalihom fi żmien 12-il ġimgħa. Fakkar ukoll dwar l-importanza li jiġu mgħejjuna l-bdiewa u r-raħħala u fejn dawn jistgħu jiġu mgħejjuna bil-fondi strutturali. “Aħna ilna nitkellmu fuq dan is-settur, u issa hemm il-ħtieġa li ngħinuhom aktar fuq dak li ġara,” qal Dr. Delia.

Il-Kap Nazzjonalista ngħaqad mal-Prim Ministru u faħħar il-ħafna lil dawk kollha li taw l-għajnuna, bħad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija u l-ħafna oħrajn minn għadd ta’ Dipartimenti tal-Gvern u oħrajn voluntiera.. Madankollu huwa qal li ma jridx jinsa u ta’ min ifaħħar, lil xi individwi li għenu mhux ftit lil ħaddieħor fit-toroq, u f’diversi postijiet oħra.

Huwa qal li kien hemm nies li ħarġu mill-karozza tagħhom u għenu lil ħaddieħor b’tali mod li setgħu evitaw inċidenti ferm aktar koroh. Delia, fakkar ukoll lil dawk li ħadmu bla heda, tul is-sena kollha biex iferrħu lill-ħaddieħor, u hawn il-Kap tal-Oppoizzjoni kienet qed jirreferi għal organiżatturi tal-Karnival, prattikament dawk li jibdu l-karrijiet bis-sena u bl-arti tagħhom, “Dawn jagħmlu sagrifiċċji kbar, jaħdmu bla heda, biex bħalissa qegħdin isofri ħafna,” qal il-Kap tal-PN.

“Dawk li batew għandhom bżonn l-appoġġ kollu tagħna, u l-Partit Nazzjonalista se jagħmel minn kollox biex bħala pajjiż nieħdu l-massimu ta’ għajnuna għax hawn min verament bata. Tkellmu wkoll diversi deputati li komplew fejn ħalla Adrian Delia.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li wieħed irid jara jekk kien hemm xi Kunsilli Lokali li ntlaqtu ħażin u li dawn ukoll wara li wieħed jiltaqa’ magħhom għandu jara kif ġew affettwati, u jekk għandhomx jingħataw l-għajnuna.

Huwa qal ukoll li meta kellna maltempata fl-2003, ta’ livelli anqas, il-pajjiz ħa ‘l fuq minn miljun ewro fondi, u staqsa kemm wieħed qed jistenna li pajjina jieħu din id-darba.

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li filwaqt li jaqbel ma’ dak kollu li ngħad, qal li wieħed ta’ min jirringrazzja l-Alla li ma miet ħadd, Qal ukoll li l-Gvern għandu jara kif bdiewa li marru jorqdu, jafu li għandhom il-biegħa, ok…..imbagħad qamu filgħodu u spiċċaw b’idhom fihom.

Id-Deputat Nazzjonalista Anthony Bezzina qal li wieħed għandu jara x’mar tajjeb, f’dan l-eżerċizzju li sar minn nies li għenu mhux ftit waqt li seħħew dawn l-għargħar, imma qal li wieħed għandu jieħu “stock-take” ta’ x’seta’ mar ħażin, biex għalhekk nitgħallmu.

Tkellem wkoll fuq l-istess binarju d-Deputat Nazzjonalista David Stellini, li qal li hemm modi ta’ kif wieħed jista’ jingħata l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea, fosthom wieħed jista’ jgħin lis-settur tal-bdiewa fuq skemi ta’ assikurazzjoni, skemili jitilgħu sa 65 fil-mija.

Tkellem ukoll id-Deputat tal-PN Beppe Fenech Adami fejn saħaq dwar il-ħafna siġar li nqalgħu mill-għeruq, siġar li għandhom iż-żmien li kienu ta’ utilita’ f’ħafna lokalitajiet. “Il-Gvern se jieħu konnjizzjoni ta’ dan kollu? staqsa Dr. Beppe Fenech Adami.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal minn naħa tiegħu li ħafna postijiet storiċi wkoll ġarrbu ħsara konsiderevoli bħal fortizzi u postijiet bħal Ħaġar Qim, Il-Katakombi ta’ San Pawl, u l-Mużew Martittmu.

Muscat iddikjara wkoll li l-ħaddiema għat-tindif fl-aħħar sigħat ġabru xejn inqas minn 180 tunnellata ta’ debris mit-toroq Maltin u Għawdxin, konsegwenza tal-Grigalata li laqtet lill-gżejjer Maltin.

Hu qal li irjiħat li laħħqu 72 knot jew 138 kilometru siegħa. Tenna li kien ilu sa mill-1982 ma jkun hemm irjiħat daqstant qawwijin. Enfasizza li nqalgħet ħsara fuq il-main tal-ilma bejn Malta u Għawdex u din se tkun irranġata fil-jiem li ġejjin.

Il-Prim Ministru qal li ma jistax jagħti spjega dwar kemm fondi nistgħu nġibu u tenna li wieħed irid joqgħod attent jekk jitkellem fuq għajnuna għal settur u mhux għall-ieħor, għax kull min għandu ħanut u sora minn xi ħsara, allura jkun qed jemmen li anke huwa għadu d-dritt għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea, minħabba li sofra minn xi danni.

Qal ukoll l Uffiċjali tal-Enemalta qed jaħdmu bla waqfien biex jerġgħu jagħtu s-servizz tad-dawl lil għadd ta’ Maltin li sfaw bla dawl kawża tal-maltemp fl-aħħar jiem.